Il-Parlament Ewropew appoġġja pjanijiet għar-rilokazzjoni obbligatorja ta’ 120,000 refuġjat madwar l-Unjoni Ewropea, bl-iskop li jgħin lill-Ungerija, il-Greċja u l-Italja li qed iġorru l-akbar piż ta’ dawn l-immigranti. Il-pass, intant, iżid il-pressjoni fuq il-Ministri għall-Intern Ewropej biex jadottaw il-proposti, il-ġimgħa d-dieħla.
Id-Deputati tal-Parlament Ewropew issieħbu f’vot ta’ emerġenza – li ssejjaħ wara li l-Ministri tal-Intern tal-UE nhar it-Tnejn naqsu milli jappoġġjaw l-iskema – hekk kif approvaw il-pjanijiet tal-Kummissjoni Ewropea (l-Eżekuttiv tal-UE) bi 372 vot kontra 124, u 54 Deputat astjenew.
Qabel il-vot fi Brussell, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Frans Timmermans esprima gratitudni lejn il-Parlament Ewropew talli fehem l-urġenza tas-sitwazzjoni.
Timmermans qal li l-vot ifisser li l-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew it-tnejn jistgħu jgħidu lill-Kunsill tal-Ewropa li issa wasal il-mument għall-azzjoni.
Sadattant, għal nhar l-Erbgħa ssejjaħ summit speċjali tal-Unjoni Ewropea fuq talba tal-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel biex jippruvaw isibu tarf il-kriżi.
Sadanittant, kompliet il-mewġa kontinwa tal-immigranti fil-Balkani u ċ-ċentru tal-Ewropa minkejja t-tentattivi tal-awtoritajiet fl-UE biex jikkontrollawhom.
Jappoġġja pjani għar-rilokazzjoni tar-refuġjati
