Membri tal-Committee Against Bird Slaughter (CABS) dalgħodu sabu għasfur protett li kien midrub, fil-kampanja qrib il-Fawwara.
Membri tal-CABS qalu li huma ħadu lit-tajra protetta, tat-tip Daqquqa tat-Toppu, għand veterinarju li kkonferma mill-ewwel li kienet intlaqtet minn tir ta’ arma tan-nar.
Fi stqarrija, il-CABS qalet li l-popolazzjoni ta’ dan it-tip ta’ tajra qed tonqos fl-UE kollha. Spjegat li hi partikolari minħabba l-kulur fir-rix tagħha u t-tip ta’ rix differenti fuq ir-ras li tagħmilha waħda mfittxija fost il-kollezzjonisti.
Spjegat ukoll li nhar il-Ġimgħa rrappurtat lill-Pulizija, każ ta’ sparar fuq Ajkla Bajda fin-naħa tan-nofsinhar tal-irdum f’Ħad-Dingli, iżda l-Pulizija ma sabu xejn fit-tfittxija tagħhom.
Waqt li kkundannat dawn l-inċidenti, qalet ukoll li dawn kienu l-uniċi inċidenti ta’ sparar illegali li nnutat u li huma ferm inqas minn dawk fi staġunijiet oħra. CABS semmiet ukoll inċidenti oħra ta’ nsib illegali, li wkoll irrappurtat lill-Pulizija. Każ minnhom kien ta’ nassa illegali għall-gamiem f’Selmun, xibka fis-Siġġiewi u gaġġa bi sponsuni mingħajr ċrieket f’Burmarrad. Qalet ukoll li l-Pulizija kkonfiskat tliet vrieden u ekru.
//= $special ?>