Lokali

Analiżi tal-ġurnali

In-Nazzjon b’ritratt kbir fil-faċċata jagħti priorità lir-rebbieħa tal-Konkors Kanzunetta Indipendenza, Analise Mifsud li rebħet il-konkors ta’ din is-sena bil-kanzunetta Kuraġġ. Insibu wkoll ritratt ieħor din id-darba tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt il-parteċipazzjoni tiegħu fl-attività politika tal-bieraħ u nsibu t-titlu “Simon Busuttil itenni l-wegħda ta’ politika onesta u nadifa”. Storja oħra titkellem dwar kif il-Gvern waqqaf lil Albert Fenech milli kompli jopera fl-Isptar Mater Dei.

The Malta Independent titkellem dwar storja ta’ omm li qed titlob ġustizzja wara li l-Pulizija qed tinvestiga allegat swat fuq binha li jinsab rikoverat fl-Isptar Monte Karmeli. L-Istorja tgħid li l-pulizija mistennija wkoll li toħroġ akkużi fil-konfront ta’ xi ħadd b’rabta mal-każ. Storja oħra titkellem dwar kif kien hemm tnaqqis fil-kriminalità fis-Swieqi wara l-installazzjoni ta’ CCTV minn resident.

The Times of Malta tgħid li s-sigurtà f’Paceville żdiedet wara l-attakk tal-Ħadd li għadda minn Libjan li fera numru ta’ persuni. Ritratt juri wkoll l-attur Collin Firth jappoġġja l-kampanja ta’ MOAS biex isalvaw aktar ħajjiet. Storja oħra titkellem dwar it-tnedija ta’ programm biex ikunu indirizzata 7,000 żagħżugħ u żagħżugħa qiegħda.

L-Orizzont titkellem dwar is-sitwazzjoni fil-ħabs b’uffiċjal tal-ħabs isostnu li s-sitwazzjoni tinsab fix-xifer, b’mod partikolari jinsabu urtati u diżappuntati għad-deċiżjoni dwar il-kċina tal-ħabs. Storja oħra titkellem dwar direttur ta’ kumpanija li spiċċa l-qorti wara li bl-allegazzjonijiet foloz qanqal investigazzjoni fuq il-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera.