Raġel b’pussess ta’ arma tan-nar u numru sostanzjali ta’ pilloli ġie arrestat il-Ġimgħa filgħodu. L-arma tan-nar instabet fil-pussess ta’ raġel f’ċirkostanzi suspettużi waqt tfittxija fil-venda l-antika tal-karozzi tal-linja fil-Furjana.
Il-każ seħħ dalgħodu, għall-ħabta tas-sebgħa u għoxrin, meta l-Pulizija tad-Distrett tal-Belt Valletta kienu nfurmati b’mod anonimu li raġel kien qiegħed ibiegħ xi pilolli barra gabbana partikolari fl-istess venda.
Kien għalhekk li l-Pulizija tad-Distrett irrikorrew minnufih fil-post indikat, fejn hemmhekk identifikaw u waqqfu lis-suspettat, li għandu wieħed u ħamsin sena u jirrisjedi tas-Sliema. Kienet waqt tfittxija li saret f’żewġ basktijiet li kellu f’idejh li nstabet arma tan-nar tal-kalibru disa’ millimetru, ħamsa u għoxrin blank rounds u żewġ casings.
Instab ukoll numru sostanzjali ta’ pilloli li x’aktarx jingħataw b’preskrizzjoni. Madankollu, dawn qegħdin jiġu eżaminati minn espert maħtur mill-Maġistrat tal-Għassa, li fetħet inkjesta fil-każ.
Is-suspettat ġie arrestat għal aktar stħarriġ mill-Pulizija tad-Distrett.
//= $special ?>