Futbol

Chelsea jilqgħu lil Arsenal fi Stamford Bridge – Mistennija reazzjoni tal-liders

Wara l-ftit tan-nifs li ħadu bir-rebħa li kisbu matul il-ġimgħa kontra Maccabi Tel-Aviv, illum Chelsea jkunu involuti fl-aktar logħba li tispikka fi tmiem il-ġimgħa meta jilagħbu kontra Arsenal fi Stamford Bridge. Chelsea kellhom bidu diżastruż dan l-istaġun hekk kif minn ħames partiti tal-kampjonat rebħu biss waħda u tilfu tlieta. Ġimgħa ilu l-Blues tilfu 3-1 barra minn darhom kontra Everton imma nhar l-Erbgħa rebħu 4-0 kontra Maccabi Tel-Aviv. “Konna kważi nsejna x’jiġifieri tirbaħ u din ir-rebħa se tgħina naffrontaw il-logħba kontra Arsenal b’mod differenti. Il-logħba tas-Sibt importanti ħafna u riżultat tajjeb jgħina ntejjbu s-sitwazzjoni li qegħdin fiha,” qal il-manager ta’ Chelsea Jose Mourinho jiem qabel il-partita kontra l-Gunners. Ġħall-kuntrarju ta’ Chelsea, ġimgħa ilu Arsenal rebħu 2-0 kontra Stoke imma nhar l-Erbgħa tilfu 2-1 kontra Dinamo Zagreb.

Jista’ jagħti l-każ li għal Chelsea jirritorna l-attakkant Falcao imma Willian, Pedro, Courtois u Ocar huma kollha dubjużi. Għal Gunners mhux se jkunu disponibbli Wilshere, Rosicky u Welbeck imma jidher li l-winger Walcott jista’ jibda mal-ewwel 11 wara li matul il-ġimgħa daħal bħala sostitut u skurja kontra Zagreb. Ħarsa lejn l-istatistika turi li Chelsea għandom rekord mill-aqwa f’konfronti kontra Arsenal fejn mill-aħħar seba’ partiti li lagħbu kontrihom fil-kampjonat rebħu erbgħa u ġew draw tliet darbiet. Madankollu xahar ilu, l-manager ta’ Arsenal Arsene Wenger kiseb l-ewwel rebħa tiegħu kontra Chelsea wara 14-il tentattiv.

Mistennija reazzjoni tal-liders

Illum ukoll ikunu fl-azzjoni l-liders Manchester City hekk kif dawn jilagħbu f’darhom kontra West Ham Utd. Filwaqt li Man City rebħu ħames partiti minn ħamsa fil-kampjonat, matul il-ġimgħa tilfu 2-1 fl-Etihad Stadium fl-ewwel impenn tagħhom fiċ-Champions League kontra Juventus u b’hekk wieħed se jkun qed jistenna reazzjoni mingħandhom. Minbarra li tilfu l-partita, weġġa’ anke l-captain Vincent Kompany imma jidher li l-injury tad-difensur Belġjan m’hijiex waħda daqstant gravi u jista’ jkun lura fl-azzjoni llum stess.

Ġimgħa ilu West Ham rebħu 2-0 kontra Newcastle u f’kummenti li ta l-kowċ tagħhom Slaven Bilic qal li ma tkunx sospriża jekk it-tim tiegħu jegħleb lil liders. “Li kieku rbaħnielhom qabel il-partita kontra Juventus kienet tkun sospriża imma la darba tilfu urew li m’humiex imbattibbli. Se nilagħbu kontra tim diffiċli li skurja 11-il gowl u ma sofra xejn s’issa fil-kampjonat u se jibdew favoriti biex jirbħu l-logħba imma ninsabu fiduċjużi li nistgħu nirbħu,” qal Bilic. Ta min jiftakar li West Ham Utd diġa rebħu kontra Arsenal u Liverpool barra minn darhom. Madankollu ħarsa lejn l-istatistika turi li West Ham ilhom ma jirbħu barra minn darhom kontra s-Citizens sa mill-istaġun 2002-03.

Għal City jista’ jirritorna l-attakkant Sergio Aguero li kien imweġġa’ imma kontra Juventus lagħab ftit minuti hekk kif daħal bħala sostitut fl-aħħar ħinijiet. Dan bla dubju jkun utli għal City, speċjalment meta wieħed iqis li staġun ilu skurja 32 gowl. Plejers ta’ City li se jitilfu l-konfront huma Zabaleta, Fernando, Delph u Clichy. Għal West Ham se jkunu neqsin Ogbonna, Song u Valencia.

Intant, għada Man Utd jilagħbu barra minn darhom kontra Southampton u jittamaw li jinsew il-wirja xejn pożittiva li kellhom meta matul il-ġimgħa tilfu kontra PSV fiċ-Champions League. Ir-Red Devils, fl-Olanda, naqqsu milli jibnu fuq ir-rebħa li kienu kisbu jiem qabel fil-kampjonat kontra r-rivali Liverpool u minbarra t-telfa tilfu anke lil Luke Shaw, ironikament eks-plejer ta’ Southampton wara li dan weġġa’ serjament u mistenni jitlef il-kumplament tal-istaġun. Għal logħba kontra Southampton hemm dubjużi Rooney imma jistgħu jirritornaw fit-tim Carrick u Schneiderlin.

Ġimgħa ilu Southampton rebħu 3-0 kontra Norwich biex ikkonfermaw il-forma tajba li għandhom meta jilagħbu f’darhom fejn mill-aħħar seba’ partiti li lagħbu tilfu biss darba u rebħu ħamsa. Interessanti l-fatt li l-konfront bejn dawn it-tnejn se jlaqqà lill-managers Ronald Koeman u Louis Van Gaal, tnejn li fil-passat ltaqgħu kontra xulxin meta kienu jmexxu lil PSV u AZ Alkmaar.