M’hemmx għalfejn wieħed iħares lejn it-track record ta’ kisbiet tal-PN tul iż-żminijiet, jew x’sar f’dawn l-aħħar sentejn u nofs biex wieħed iwieġeb il-mistoqsija għaliex hemm bżonn il-PN. Ħarsa lejn l-aħbarijiet tal-lum biss hi biżżejjed biex din il-mistoqsija tiġi mwieġba.
Sostna dan il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Simon Busuttil meta għalaq id-diskussjoni fit-tieni jum tal-Festi tal-Indipendenza fi Pjazza de Vallette li kellha bħala tema, Il-Partit Nazzjonalista, għalfejn hemm bżonnu?
Il-Poplu Malti u Għawdxi jixraqlu aħjar, għalhekk hemm bżonn tal-PN. Simon Busuttil ta’ ħarsa lejn l-aħbarijiet tal-lum li juru biċ-ċar għaliex hemm bżonn il-Partit Nazzjonalista. Hu rrefera għat-tneħħija tal-Prof. Albert Fenech mill-Gvern Laburista. Dan il-kardjologu fejjaq eluf ta’ Maltin, sostna Simon Busuttil, u min neħħieħ għamel vendikazzjoni mal-poplu Malti u mhux ma’ Albert Fenech.
Fl-aħbarijiet ukoll illum hemm iż-żjara tal-Prim Ministru Joseph Muscat fit-Turkija biex ibiegħ il-passaporti Maltin. Simon Busuttil staqsa għaliex għandu jmur il-PM biex ibiegħ il-passaporti? Hu kompla li s-suspetti bilfors iqumu għaliex il-kuntratt mhux pubbliku. Xogħol il-Prim Ministru mhux li jkun saleseman, saħaq il-Kap tal-PN.
Illum ukoll ingħata x’jifhem li hemm xi ftehim bejn Malta u l-Italja li ma konniex nafu bih fuq l-immigrazzjoni. Simon Busuttil qal li jekk hu veru li Gvern ċeda parti mit-territorju lill-Italja, Dan hu tradiment nazzjonali.
U fl-aħbarijiet illum ukoll, Joe Mizzi beża jwieġeb il-mistoqsijiet ta’ Net Television. Staqsa fejn hi t-trasparenza u d-demokrazija? Il-Kap tal-PN qal li l-Ministru Mizzi ma jġerraħx il-kritika għax il-verita’ qed toqorsu fil-laħam il-ħaj. Kompla li Joe Mizzi qed jieħu l-fama tal-iktar ministru inkompetenti bit-traffiku u t-trasport pubbliku fost l-iktar suġġetti li jqajjmu tħassib fost il-poplu Malti.
Dawn l-aħbarijiet tal-lum biss, diġa huma tweġiba għaliex il-poplu għandu jerġa’ jħares lejn il-PN. Simon Busuttil qal li diġa’ bdiet il-mewġa ta’ nies li qed jiċċaqilqu mill-Partit Laburista għall-PN.
Din tidher ukoll mill-kandidati ġodda li kienu approvati fl-aħħar xhur, b’uħud minnhom mhux biss ġejjin minn background laburist imma li saħansitra kienu attivi fil-Partit Laburista. Simon Busuttil irrefera għal wieħed minn dawn il-kandidati li skuża ruħu li eżerċita’ l-vot tiegħu lill-Partit Laburista sentejn ilu. Hu qal li dan il-kandidat m’għandux jiskuża ruħu.
Il-Problema mhux min ivvota lill-Partit Laburista iżda min inganna lin-nies biex jivvotaw lill-Partit Laburista.
//= $special ?>