Media.Link tressaq ilment mal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin
Il-kumpanija Media.Link Communications ressqet ilment uffiċjali quddiem l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin dwar il-każ ta’ aġir diskriminatorju li seħħ fil-konfront tal-ġurnalist ta’ Media.Link aktar kmieni waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru Joe Mizzi.
Fl-ilment, id-diriġenti ta’ Media.Link Communications saħqu li ma kellux ikun li l-ġurnalist ta’ In-Nazzjon ma tħalliex jistaqsi domandi f’konferenza tal-aħbarijiet meta ġurnalisti oħrajn tħallew jistaqsu, bil-Ministru jwieġeb għad-domandi tagħhom.
Media.Link qalet li agħar minn hekk, xi ħadd mill-uffiċjali jew ħaddiema tal-Ministeru ta’ Joe Mizzi tefa’ idu fuq il-camera ta’ Net Television u tefa’ l-camera biex ma jinġibdux aktar filmati, punt li jirrifletti azzjoni gravi ħafna li jtappan il-prinċipju ta’ ġurnalizmu ħieles.
Aktar kmieni…
Il-Ministru Joe Mizzi ħareġ ‘il barra minn konferenza tal-aħbarijiet wara li rrifjuta li jwieġeb mistoqsijiet li saru mill-ġurnalist ta’ MaltaRightNow.com.
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, li għaliha kien hemm preżenti wkoll is-Segretarju Parlamentari Ian Borg, tħabbret skema dwar it-trasport pubbliku, hekk kif fl-aħħar ġimgħat komplew jikbru l-ilmenti tal-pubbliku għas-servizz diżastruz mill-kumpanija tat-trasport pubbliku.
Iżda minkejja li rrisponda l-mistoqsijiet kollha ta’ kmamar oħra tal-aħbarijiet, il-Ministru Joe Mizzi rrifjuta li jwieġeb mistoqsija tal-ġurnalist ta’ MaltaRightNow.com, bir-risposta ta’ Joe Mizzi tkun biss biex il-ġurnalist jibgħat e-mail bil-mistoqsijiet.
Sfurzat minn MaltaRightNow.com għal raġuni għalfejn kien qed jitlob lil dan is-sit li jibgħat e-mail bil-mistoqsijiet, b’kuntlarju għal ġurnalisti oħra li ma ntalbux jagħmlu hekk, Joe Mizzi qam u ħareġ ‘il barra mill-konferenza tal-aħbarijiet fejn intant, persuna preżenti fis-sala saħansitra tfiet il-camera ta’ Media.Link Communications.
//= $special ?>