Lokali

FTEHIM SIGRIET MAL-ITALJA: Akkużi li Malta qed tpartat l-immigranti biex Renzi jieħu ż-żejt

Rapporti li deheru fil-gazzetti Taljani qed ikomplu jikxfu l-ftehim sigriet li allegatament jeżisti bejn Malta u l-Italja dwar l-immigrazzjoni – ftehim li kważi kważi qed ipoġġi prezz fuq il-ħajja tal-bniedem.

Storja li dehret f’Il Giornale fl-Italja turi kif il-Gvern ta’ Renzi qed jieħu l-immigranti “li Malta ma tridx”. U biex Joseph Muscat ipatti għal dan, Malta qed iċċedi l-operazzjoni ta’ tħaffir għaż-żejt f’ibħra territorjali Maltin viċin Sqallija.

Fl-aħħar jiem il-Ministru tal-Intern Carmelo Abela ikkonferma li l-ftehim bejn Malta u l-Italja “mhux minqux fil-ġebel”. Iżda aktar tard, Abela biddel il-verżjoni tiegħu u qal li m’hemm l-ebda ftehim iżda biss “kollaborazzjoni” fejn tidħol l-immigrazzjoni.