Jistaqsi fejn qed imorru dawn il-flus u għaliex dan ir-roħs ma ġiex mgħoddi lill-pubbliku
“Il-Gvern qed jiffranka mal-€200 miljun fis-sena fl-elettriku u mal-€100 miljun ieħor fis-sena fil-fuel. Fejn qed juża’ dawn il-flus? Għaliex m’għaddiehomx lill-konsumatur?”. Dawn kienu fost il-mistoqsijiet magħmula mill-Ewroparlamentari David Casa dalgħodu fi Pjazza de Vallette fl-ewwel minn sensiela ta’ tliet laqgħat ta’ diskussjoni immexxija mid-Deputati Ewroparlamentari f’isem il-Partit Nazzjonalista bħala parti mill-Festi li jfakkru l-kisba tal-Indipendenza. It-tema ta’ din l-ewwel diskussjoni kienet “Is-settur tal-enerġija: Min verament qed igawdi?”
David Casa qal li dawn il-figuri b’riżultat tat-tnaqqis fil-prezz internazzjonali taż-żejt huma minn sorsi li huma midħla sew fil-qasam tal-enerġija u sfida lill-Ministru Konrad Mizzi biex imerihom u jekk verament m’humiex korretti, biex jippubblika kemm iċ-ċifri tal-flus li qed jiffranka kif ukoll il-kuntratti fil-qasam tal-enerġija.
Hu tkellem dwar il-Power Station il-ġdida fejn sostna li jidher li m’hemmx bżonnha. Hu appella biex il-Gvern ikompli fejn ħalla l-Gvern preċedenti u jkompli jinvesti fuq is-sistema ta’ distribuzzjoni għaliex jekk dan ma jsirx, diversi partijiet ta’ Malta se jibqgħu ibatu minn qtugħ regolari fil-provvista tal-elettriku. David Casa kompla li s’issa għadu ma ħariġx unit wieħed tal-elettriku kuntrarju għal dak li wiegħed Muscat qabel l-elezzjoni u appella biex isib alternattiva li tkun ta’ inqas periklu għan-nies ta’ Marsaxlokk.
David Casa qal li Joseph Muscat u Konrad Mizzi fallew fil-qasam tal-enerġija għaliex kieku ma kienx hemm l-interconnector u l-power station tal-BWSC, il-Gvern ma kienx ikollu biex jaħdem. Tenna li l-poplu jmissu jgawdi iktar roħs. L-Ewroparlamentari qal li l-PN qed jibbaża l-politika tiegħu fuq il-verita’ u appella lil Joseph Muscat biex jissielet għat-trasparenza bl-istess mod li kien jissielet għaliha qabel sar Prim Ministru.
Kelliem ieħor tad-diskussjoni hu d-Deputat Toni Bezzina li fakkar dwar il-kampanja qarrieqa tal-Partit Laburista kontra l-power station li kienet “fabbrika tal-kanċer” u li sal-llum – sentejn u nofs wara – għadha taħdem biż-żejt. Dwar it-tanker tal-gass fil-Bajja ta’ Marsaxlokk, Toni Bezzina staqsa jekk ħadd ta każ ta’ kif se jiġu effetwati il-ħwienet, l-istabbilimenti u r-residenzi tal-madwar u kif se jkunu affetwati s-sajjieda, speċjalment meta t-tanker ikun qed jimla’ t-tanker.
Dwar il-garanzija bankarja, Toni Bezzina qal li l-Gvern waqqaf €1.5 miljun għal titjib fil-Pitkalija għall-bdiewa għax beża’ li din kienet state aid li tmur kontra r-regoli Ewropej iżda ma kellu l-ebda problema jagħmel tajjeb għal self ta’ kumpanija privata bi €360 miljun.
Hu qal li l-kredibilita’ ta’ dan il-Gvern hija zero: wiegħed power station u ma saritx, wiegħed titjib fit-trasport pubbliku u flok tjieb mar għall-agħar. Toni Bezzina jittama li dak li ħadmu fuqu diversi Gvernijiet fil-passat ma jintilifx f’dawn il-ftehim li qed isiru minn wara dahar il-poplu.
//= $special ?>