Formula 1

Jimmira li jilħaq lil Senna

Għada u l-Ħadd Hamilton se jkun qed jipprova jilħaq żewġ rekords tal-leġġendarju Ayrton Senna. Jekk illum Hamilton jikseb il-pole position ikun laħaq rekord li kien għamel is-sewwieq Brażiljan., jiġifieri dak ta’ tmien pole positions konsekuttivi. Hamilton din is-sena mhux biss kien tajjeb waqt it-telielaq imma anke waqt is-sessjonijiet ta’ kwalifiki u dan fil-fatt kien fattur importanti gġħalih fis-suċċess li kiseb. Nhar il-Ħadd l-istess Hamilton jista’ jilħaq lil Senna f’dawk li huma tlielaq mirbuħa. Attwalment l-Ingliż rebaħ total ta’ 40 tellieqa fil-karriera tiegħu, waħda inqas mis-sewwieq li traġikament kien tilef ħajtu waqt tellieqa.

“Sa minn meta kont għadni tifel kont noħlom li xi darba nirrepeti dak li għamel Senna u hi kważi ħolma li 20 sena wara jien ninsab daqstant viċin li nikseb dak li kiseb Senna fil-karriera glorjuża tiegħu. Madankolu wieħed irid jgħid ukoll li li kieku ma tilifx ħajtu traġikament żgur li kien ikollu taħt ismu aktar rebħiet u suċċessi,” qal Hamilton f’kummenti li ta jiem qabel it-tellieqa f’Singapore.

Dan l-istaġun Hamilton qiegħed f’forma mill-aqwa hekk kif rebaħ seba’ Grand Prix u kiseb total ta’ 11-il pole position. Barra minn hekk, Hamilton, grazzi għar-rebħ li qed jikseb qed jersaq viċin it-tielet titlu mondjali, jiġifieri anke f’dak l-aspett jilħaq lil Senna jekk kemm-il darba jkun inkurunat champion sa tmiem din is-sena.

Ħafna huma tal-fehema li d-dominju ta’ Hamilton, bħal ma kien dak ta’ Vettel fl-aħħar snin, qed joqtol lill-isport li skont huma qed isir aktar monotonu. Madankolu Hamilton qal li minkejja li r-rebħiet tiegħu jidhru faċli dan m’huwiex il-każ. “ħafna jaħsbu li għax ikollok karozza tajba l-ħajja tkun faċli imma jien dejjem insib sfida quddiemi. Barra minn hekk, aktar ma tirbaħ aktar tkun trid tkompli tirbaħ u ttejjeb id-difetti tiegħek. Hu impossibbli li jkolok tellieqa jew dawra perfetta u s-sabiħ tal-isport hu li dejjem tipprova tipperfezzjona. S’issa rbaħt 40 tellieqa fil-Formula 1 imma kull rebħa kienet qisha l-ewwel waħda. Ma rridx ninsa wkoll lil kul min jgħini nirbaħ għax meta nitla’ fuq il-podju nkun qed nirrappreżenta wkoll grupp ta’ nies li jkunu ħadmu minn wara l-kwinti,” temm jgħid is-sewwieq Ingliż.