Sid ta’ jott mill-Ġermanja kellu diżappunt kbir meta sama’ l-istorja inkredibbli ta’ kif id-dgħajsa – li kellu jabbanduna waqt emerġenza, ħafna xhur ilu – spiċċat mgħarrqa mill-qawwiet tal-baħar Irlandiżi wara li qasmet ‘waħedha’ mill-Oċean Atlantiku lejn ir-Renju Unit.
Thomas Mallanut kellu jitlaq il-jott (twil madwar 25 pied) wara li kienet mardet martu, u meta l-koppja, dak il-ħin, kienu qed ibaħħru ‘l hinn mill-kosta ta’ Bermuda. Hu qatt ma ried jabbanduna l-jott iżda ma kellux għażla f’ċirkostanzi fejn il-mara tiegħu spiċċat f’kundizzjoni ferm ħażina. Intant, Mallanut kien sejjaħ għall-għajnuna u maż-żmien avviċinahom tanker biex jagħtihom l-appoġġ dovut.
Kważi sena wara, Mallanut kien ikkuntattjat minn persuni li qalulu li l-jott, li jiswa l-għexieren tal-eluf ta’ liri Sterlina, intlemaħ ftit ‘il barra mir-Renju Unit – kważi 3,000 mil minn fejn kienu telqugħ is-sid u martu.
Intant, Mallanut sar jaf li l-jott għadda quddiem il-kosta tal-Irlanda, bin-Navy Irlandiża tingħata direttivi biex tibgħat il-baħrin abbord u jgħarrquh peress li l-jott kien ta’ periklu għal bastimenti oħra fiz-zona.
Hu inkredibbli li, minkejja li spiċċa abbandunat u ‘mitluq għal riħu’, il-jott irnexxielu jivvjaġġa mal-2,700 mil f’għaxar xhur. Qed jitqies ukoll bħala ‘straordinarju’ il-fatt li l-jott, matul ix-xitwa, ma qabadx direzzjoni għal Greenland, lejn it-Tramuntana.
Sadanittant, Mallanut u martu ( li llum għaddielha għal kollox) huma determinati li jpoġġu l-inċident warajhom. Huma, fl-istess ħin, qed jippjanaw li jġemmgħu l-flus biex jixtru dgħajsa ġdida u jitilqu għal avventura oħra fuq il-baħar.
//= $special ?>