L-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel tal-Knisja kkundannat dik li sejħet bħala “l-mossa tal-MUT” wara li l-union tal-għalliema ħarġet stqarrija dwar it-tħaddim tal-impjegati fl-iskejjel tal-Knisja.
L-Assoċjazzjoni ddeskriviet l-istqarrija tal-MUT bħala waħda “mill-iżjed ġenerali” u li tinjora l-proċeduri kif imniżżla fil-ftehim bejn l-Awtoritajiet Ekkleżjastiċi u l-MUT dwar l-għalliema fl-iskejjel tal-Knisja. Sostniet li tħossha offiża bil-mod kif l-MUT għażlet li taffronta allegazzjonijiet u stednitha tadotta iktar djalogu u tirrispetta d-dinjità tal-professjoni.
Sostniet ukoll li “imġiba ripetittiva u abbużiva” min-naħa tal-MUT fil-konfront tas-Segretarjat għall-Edukazzjoni Kattolika u l-kapijiet tal-iskejjel tal-Knisja, tonqos mir-rispett u xxekkel l-iżvilupp tal-edukazzjoni f’Malta.
L-Assoċjazzjoni kkritikat lill-MUT u sostniet li l-atteġġjament tagħha juri li m’għandha l-ebda ħjiel dwar il-viżjoni tal-iskejjel tal-Knisja. Saħqet li taqbel perfettament mas-Segretarjat tal-Edukazzjoni Kattolika u turi diżapprovazzjoni għal kwalunkwe prattiċi irregolari allegati. Madankollu, xorta tibqa’ żżomm sħiħ fil-pożizzjoni tagħha kontra ċentralizzazzjoni u favur l-awtonomija u l-indipendenza tal-iskejjel. Innutat li l-MUT jidher li miexja fid-direzzjoni opposta.
L-Assoċjazzjoni kkonkludiet billi sostniet li l-mudell tagħha, favur ir-rispett tad-diversi kariżmi fi ħdan struttura kolleġġjali, hu ta’ suċċess u qed jagħti kontribuzzjoni valida lil proporzjon imdaqqas ta’ studenti Maltin.
Ftit tal-ħin ilu l-MUT ħarget ir-reazzjoni tagħha għall-istqarrija tal-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel tal-Knisja fejn qalgħet li l-MUT m’hiex sorpriża bl-istqarrija li ħarġet is-CSA (Assoċjazzjoni tal-Iskejjel tal-Knisja). Hija qalgħet lill-Assoċjazzjoni biex qabel ma toħroġ xi stqarrija ssegwi sew xi jkun qed jiġri u tara li l-membri li għandha fi ħdanha jsegwi r-regoli li l-Assoċjazzjoni tiprattika.
//= $special ?>