L-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) tinnota b’dispjaċir l-aġir ta’ persuni li qed jabbużaw minn persuni li għandhom xi obbligi taħt il-liġijiet ta’ saħħa u sigurtà (dutyholders), b’mod partikolari mill-opportunitajiet li huma abbinati ma’ dawn l-istess liġijiet. Dan l-aġir qed jimmina u jpoġġi f’riskju l-benefiċċji li jirriżultaw meta jintlaħqu livelli aċċettabbli ta’ saħħa u sigurtà u li jistgħu jinkisbu biss meta jkun hemm rispett lejn l-atturi kollha fis-settur.
Minn informazzjoni li għandha l-OHSA, persuna li jirrapreżenta kumpanija li toffri servizzi ta’ ‘project supervision’ qed idur siti ta’ kostruzzjoni u jgħid lil min ikun hemm jew lis-sid li jekk mhux se jappuntaw project supervisor se jirrapurtahom lill-OHSA. Dan il-persuna saħansitra jħalli l-card professjonali tiegħu sabiex iqabbdu lilu jagħmel dan ix-xogħol.
Għalkemm legalment dan mhux qed jikser il-liġi, huwa każ ċar ta’ nuqqas ta’ etika u ta’ abbuż tal-professjoni.
L-OHSA tinnota b’dispjaċir li dan il-persuna qed jipprova jinqeda bl-istess OHSA sabiex jagħmel isem ħażin lill-kumpaniji li jew mhumiex klijenti tiegħu jew huma kompetituri tiegħu waqt li jżid in-negozju għalih. Fl-istess ħin kemm il-darba dan il-persuna jikteb fuq siti ta’ medja soċjali li m’hawnx livelli tajba ta’ saħħa u sigurtà u jtella’ ritratti li kultant lanqas biss ikunu meħuda f’Malta. Dan l-aġir fil-waqt li qed jipprova jpinġi lill-OHSA bħala l-argużin, fl-istess ħin qed jipperpetwa wkoll l-idea li mhux qed ikun hawn infurzar. Dan l-aġir u nuqqas ta’ rispett lejn entitajiet differenti huwa inkwetanti u ta’ detriment għal kull titjib ta’ saħħa u sigurtà f’Malta.
L-OHSA għandha pjan ta’ kif isiru l-ispezzjonijiet iggradati skont ir-riskji li jkun hemm (fil-fatt, kif ħabbret ftit ta-ġimgħat ilu, għamlet madwar elf spezzjoni fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena). Minkejja li konxji tal-logħba li qed jilgħab dan il-persuna, l-OHSA xorta waħda qed tieħu azzjoni dwarhom jew permezz ta’ infurzar tal-liġi (kemm immedjat kif ukoll permezz ta’ żmien stipulat sakemm għandhom isiru konformi mal-liġi) jew billi l-ispezzjoni ddaħlet fil-lista ta’ spezzjonijiet skont il-kobor tar-riskju.
Inkwetanti wkoll l-aġir disprezzabbli f’każijiet oħra li huwa nvolut fihom dan il-persuna.
Huwa minħabba dan l-aġir ta’ min jistmerru min-naħa ta’ dan it-tip ta’ persuni li l-OHSA xtaqet toħroġ din l-istqarrija sabiex tispjega s-sitwazzjoni u fl-istess ħin tiġbed l-attenzjoni ta’ kulħadd sabiex jiċċekkjaw x’ikunu qed jiffirmaw u għal xhiex qed ikunu responsabbli l-‘professjonisti’ fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.
L-OHSA tibqa ssotni kemm huwa importanti li l-mezzi tal-medja jimmoderaw sew x’ikun qed jiġi mibgħut lilhom peress li dan jista’ jkun xprunat minn aġenda partikolari u mhux b’mod professjonali jew ġenwin.
Kif dejjem tisħaq l-OHSA, sabiex is-saħħa u s-sigurtà fil-pajjiż imorru ‘l quddiem hemm bżonn ta’ azzjoni responsabbli u ġenwina minn kulħadd.
//= $special ?>