Lokali Parlament

L-Oppożizzjoni tinsisti mal-Gvern għat-trasparenza fl-investiment Ċiniż f’Malta

F’laqgħa fil-Parlament ma’ delegazzjoni mill-Kungress Nazzjonali tal-Poplu Ċiniż, l-Oppożizzjoni fissret li l-kontroversji li nqalgħu fid-dibattitu politiku b’rabta ma’ investiment Ċiniż f’pajjiżna kien marbut mat-talba għal aktar trasparenza.

L-Oppożizzjoni mhix kontra l-investiment Ċiniż iżda qed tesiġi mal-Gvern Malti li jkun aktar trasparenti.

Dan esprimih id-Deputat Nazzjonalista Tonio Fenech, Kelliem għall-Affarijiet Barranin, inkluż relazzjonijiet ma’ pajjiżi mhux tal-UE u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, Politika tal-Mediterran; meta llum il-Kumitat Permanenti dwar l-Affarijiet Barranin u Ewropej laqa’ fil-Parlament Malti lid-delegazzjoni Ċiniża.

Iċ-Chairman tal-Kumitat Permanenti dwar l-Affarijiet Barranin u Ewropej, id-Deputat Laburista Luciano Busuttil, laqa’ lid-delegazzjoni Ċiniża u stieden lill-membri parlamentari Maltin jiftħu d-dibattitu u jressqu l-mistoqsijiet lid-delegazzjoni Ċiniża. Fl-ewwel intervent f’dan id-dibattitu, Tonio Fenech irrifera għall-kontroversja fid-dibattitu politiku li għaddej f’pajjiżna dwar investment Ċiniż li l-Gvern Malti ħabbar b’mod partikolari fis-settur tal-enerġija.

Spjega li l-Oppożizzjoni tappoġġja kull investiment u temmen f’aktar tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi kif enfasizza l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil fi żjara li għamel fiċ-Ċina ftit aktar minn xahar ilu.

Fid-dibattitu bejn iż-żewġ delegazzjonijiet ħadu sehem ukoll l-Ewro-Parlamentari u Shadow Minister għall-Affarijiet Ewropew u Barranin, Roberta Metsola; id-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina u d-Deputat Laburista Joe Sammut.

Fid-dibattitu kienu diskussi oqsma u aspetti tal-ekonomija li ż-żewġ pajjiżi għandhom ifittxu aktar biex jikkoperaw, fosthom is-settur tal-avjazzjoni, is-settur marittimu, is-servizzi finanzjarji, l-industrija tat-turiżmu u l-qasam sportiv.

Kien diskuss ukoll il-programm ta’ investiment li l-Unjoni Ewropea ħabbret b’rabta mas-sehem taċ-Ċina f’dan il-pjan għas-snin li ġejjin, kif ukoll is-sitwazzjoni fis-Sirja u l-kriżi dinjija marbuta mal-problemi tar-refuġjati.

Membri tad-delegazzjoni Ċiniża mmexxija minn Xiaochu Wang, Viċi-Charperson tal-Kumitat tal-Affarijiet Barranin tal-Kungress Nazzjonali tal-Poplu u Chairman tal-NPC-European Parliament Friendship Group, wieġbu għal mistoqsijiet tad-delegazzjoni Maltija u spjegaw l-importanza li Malta tisfrutta r-relazzjonijiet tajba maċ-Ċina u tfittex aktar investimenti f’setturi diversi tal-ekonomija.

Id-delegazzjoni Ċiniża ltaqgħet ukoll mad-Deputat Speaker Ċensu Galea, f’laqgħa li għaliha kienu preżenti wkoll id-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus u d-Deputata Laburista Deborah Schembri.

Id-delegazzjoni Ċiniża għażlet li żżur lil Malta bħala stat membru tal-UE, qabel ma tiltaqa’ għal laqgħat uffiċjali mal-Parlament Ewropew.