Lokali

Muscat imsejjaħ biex ibiegħ il-passaporti f’Istanbul

Għar-raba’ darba f’temp ta’ sena, il-Prim Ministru Joseph Muscat kien imsejjaħ mill-Kumpanija Henley and Partners biex jippromwovi l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti Maltin.

Bħalissa, Joseph Muscat jinsab f’Istanbul fit-Turkija fejn kien imsejjaħ minn Henley & Partners sabiex jitkellem f’Seminar Internazzjonali dwar iċ-Ċittadinanża organizzat mill-istess Henley & Partners.

Fid-diskors tiegħu, Muscat qal li Malta għandha tkabbir ekonomiku tajjeb u b’dan il-programm, Malta qed twessa’ network internazzjonali u tattira talent lejha.

Joseph Muscat hu marbut kontrattwalment biex jitkellem u jippromwovi l-bejgħ tal-passaporti kull meta Henley & Partners jorganizzaw xi attivita’.

Fi kliem ieħor, il-Prim Ministru ta’ Malta jkollu bilfors imur ibiegħ il-passaporti Maltin għan-nom ta’ Henley & Partners kull meta dawn isejħulu.

Din hi r-raba’ darba li Muscat issejjaħ f’attivita’ ta’ Henley & Partners. F’Ottubru li għadda hu kellu jmur f’Londra u f’Singapore biex jgħin lil Henley jbiegħu il-passaporti Maltin. Fi Frar ta’ din is-sena, hu mar Dubai u issa, jinsab fit-Turkija.