Lokali Unjoni Ewropea

L-MEPs jippreżentaw il-Premju għaċ-Ċittadin 2015 lill-Fondazzjoni Richmond

Ilbieraħ filgħaxija l-Fondazzjoni Richmond ġiet ippreżentata bil-Premju Ewropew għaċ-Ċittadin għall-2015 f’ċerimonja organizzata mill-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Dar l-Ewropa, il-Belt Valletta. Il-Fondazzjoni ġiet nominata għall-premju ta’ din is-sena mis-6 MEPs Maltin kollha flimkien.

Iċ-Chairperson Anthony Guillaumier irringrazzja lill-MEPs tan-nomina. “Dan huwa mument importanti ħafna għall-Fondazzjoni Richmond, li ġiet premjata mill-Parlament Ewropew għall-isforzi tagħha matul l-aħħar 21 sena”. Huwa faħħar il-kontribut prezzjuż tal-istaff u l-voluntiera kollha, li bid-dedikazzjoni tagħhom huma l-mutur tal-organizzazzjoni.

Anthony Guillaumier irrimarka li b’dan il-premju l-ġurija għall-2015 ippremjat l-isforzi ta’ ċittadini li jofru kura tas-saħħa fil-komunità – “dawk l-istess ċittadini Ewropej li x-xogħol ta’ kuljum tagħhom huwa tant essenzjali għall-koeżjoni soċjali fil-pajjiżi li ngħixu fihom”.

“Dan il-premju jpoġġi fuqna responsabbiltà akbar, dik li naħdmu aktar biex nagħmlu s-soċjetà li ngħixu fiha waħda aħjar”, temm jgħid.

L-MEPs Maltin iddeċidew li jinnominaw lill-Fondazzjoni bħala rikonoxximent tas-servizz tant siewi li tagħti lill-pazjenti u klijenti tagħha.

L-MEPs kollha preżenti fiċ-ċerimonja wrew l-apprezzament tagħhom għall-kontribut tal-Fondazzjoni.

“Wieħed minn kull erba’ persuni fl-Ewropa għandhom xi tip ta’ problema ta’ saħħa mentali”, qal David Casa. “Hemm bżonn aktar għarfien u rridu nindirizzaw l-istigma marbuta ma’ kundizzjonijiet bħal dawn. Nittama li dan il-premju jgħin biex tinħoloq aktar kuxjenza, imma jservi wkoll ta’ rikonoxximent għall-ħidma tal-Fondazzjoni Richmond.”

Miriam Dalli qalet li llum m’għandniex nibqgħu niddejqu nitkellmu dwar is-saħħa mentali. “Il-moħħ mhux differenti mill-bqija tal-ġisem fejn jidħlu problemi ta’ saħħa. Illum mhux biss irrid ngħidilkom prosit, imma grazzi tal-kontribut kbir tagħkom f’dan il-qasam”.

Roberta Metsola wkoll tkellmet fuq l-importanza tal-għarfien u l-kuxjenza. “Ma nitkellmux biżżejjed fuq kwistjonijiet ta’ saħħa mentali. Huwa suġġett li aħna bħala politiċi u persuni pubbliċi nistgħu nimbuttaw u nsemmu aktar. Nittama li l-okkażjoni tal-lum isservi proprju għal dan”, kompliet tgħid.

In-nominati Ewropej mid-diversi pajjiżi issa jintgħażlu mill-Kanċellerija stabbilita mill-Parlament Ewropew, ippresjeduta mill-President tal-istess Parlament. Ir-rebbieħa fuq livell Ewropew jitħabbru f’ċerimonja fi Brussell li ser issir f’Ottubru 2015.