Knisja Kultura Lokali Mużika

FILMAT: Father Robert Galea jirtira minn X Factor Australia

Father Rob Galea, saċerdot żagħzugħ Malti fl-Awstralja li fl-aħħar jiem kiseb suċċess fil-kompetizzjoni X Factor Australia meta kiseb vot pożittiv mill-ġurija fi stqarrija ħabbar li rtira minn din il-kompetizzjoni primarjament minħabba impenji pastorali.

Huwa għażel li jitlaq mill-kompetizzjoni waqt il-fażi boot camp, li kienet tirrikjedi li hu jibqa’ f’Sydney għal perjodu ta’ żmien, ‘il bogħod mill-parroċċa tiegħu f’St Kilian’s f’Bendigo. Fl-istqarrija Father Galea qal li l-kompetizzjoni tatu sodisfazzjon kbir u kienet ukoll opportunità eċċellenti ta’ evanġelizzazzjoni għal udjenza kbira.

Irringrazzja lil dawk kollha li fehmuh u talabhom ikomplu jitolbu għalih biex jaqdi lil Alla u biex jagħmel dak li jixtieq Hu.

Intant Father Robert ħabbar ukoll is-single ġdida bl-isem ‘Get up Again’ li għandha produzzjoni tal-producer ta’ Ministry of Sound, George Bechara. Id-diska hi dwar l-importanza li tqum u timxi ‘l quddiem, minkejja l-weġgħat kollha li l-ħajja ġġib magħha.

Din tista’ titniżżel b’xejn minn frrobgalea.com.

U għal minn jixtieq li jsegwi lil Fr Rob Galea live m’hemmx għalfejn jaqta’ passaġġ lejn l-Awstralja. Dan hekk kif fit-2 t’Ottubru Fr. Rob ser ikun qiegħed jgħati kunċert fin-Nadur. Il-kunċert, li d-dħul għalih ser ikun b’xejn ser isir quddiem il-Youth Centre tan-Nadur u huwa organizzat minn Nadur Teen Youth Centre.