Knisja Lokali

Ħatra ta’ żewġ Kappillani ġodda

Fi stqarrija il-Kurja ħabbret li l-Arċisqof Charles Scicluna kien ħatar żewġ kappillani ġodda. Fil-każ tal-Parroċċa ta’ Stella Maris tas-Sliema l-Arċisqof Charles Scicluna ħatar lil Mons Anton Portelli bħala Kappillan filwaqt li fil-każ tal-Prozza ta’ Santa Marija f’Birkirkara il-Kappillan il-ġdid huwa Dun Reuben Deguara.

Dun Anton Portelli twieled fis-6 ta’ Mejju 1947. Huwa rċieva l-edukazzjoni primarja fl-iskola ta’ St Joseph, il-Belt Valletta, u l-edukazzjoni sekondarja u post-sekondarja fis-Seminarju, il-Furjana. Kompla l-istudji terzjarji ta’ Baċellerat fl-Arti, u Liċenzjat fil-Filosofija u t-Teoloġija, fl-Università ta’ Malta. Kiseb ukoll Masters f’Human Resource Development.

Dun Anton ġie ordnat saċerdot fid-19 ta’ Marzu 1972. Beda l-ħidma tiegħu bħala viċi-kappillan fil-parroċċa ta’ San Gejtanu, il-Ħamrun. Fl-1981 inħatar kappillan tal-parroċċa ta’ Ħal Kirkop u fl-1986 kappillan tal-parroċċa ta’ Ħ’Attard. Fl-1993 inħatar bħala Delegat għall-Ħajja u Ħidma fil-Parroċċi u fl-1994 Rettur taż-Żona Pastorali ta’ Pembroke u mbagħad kappillan tal-istess parroċċa.

Fl-2006 ingħata l-inkarigu ta’ Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta. Huwa temm din il-kariga f’nofs din is-sena.

Minn naħa l-oħra Dun Reuben Deguara twieled fit-21 ta’ Lulju 1971. Huwa rċieva l-edukazzjoni primarja fl-iskola tal-Mosta, l-edukazzjoni sekondarja fil-Liċeo M.A. Vassalli, Tal-Ħandaq, u kompla s-6th Form fil-Junior College, l-Imsida. Kompla l-istudji terzjarji (Filosofija u Teoloġija), u Liċenzjat fit-Teoloġija Pastorali, fl-Università ta’ Malta.

Dun Reuben ġie ordnat saċerdot fid-29 ta’ Ġunju 1997. Beda l-ħidma pastorali tiegħu bħala viċi-kappillan fil-parroċċa ta’ San Ġużepp Ħaddiem, Birkirkara. Fl-2002 inħatar kappillan fil-
Parroċċa ta’ Ħad Dingli, u fl-2006 kappillan fil-Parroċċa ta’ Ħal Tarxien. Dun Reuben serva wkoll bħala direttur spiritwali fi skola sekondarja.