Ambjent Lokali

Il-Front Ħarsien ODZ jisħaq li d-deċiżjoni tal-2011 fuq kamra tan-nar għanda tiġi konfermata

Fi stqarrija il-Front Ħarsien ODZ sejjaħ sabiex it-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar jikkonferma deċiżjoni tal-MEPA meħuda fl-2011 li irrifjutat applikazzjoni għal bini ta’ fabrika tan-nar f’żona magħrufa bħala Tal-Għajn fil-Mellieħa fil-viċinanza ta’ Popeye Village.

Front Ħarsien ODZ esprima s-solidarjeta’ tiegħu mal-bdiewa li jaħdmu l-għelieqi f’ din iż-żona li huma inkwetati bl-impatt tal-fabrika li qed tiġi proposta fuq is-sigurta tagħhom. Il-Front qed isejjaħ ukoll għal liġijiet effettivi li jħarsu l-bdiewa minn dawn il-perikli.

Fl-istqarrija ġie spjegat li l-applikazzjoni ġiet preżentata fl-2009 sena wara li l-MEPA ħarġet notifika ta’ enforzar kontra l-produzzjoni illegali ta’ nar f’xi kmamar fl-istess zona. L-applikazzjoni saret biex tirregolarizza din l-attivita illegali.

Il-Front fakkar li kemm id-Direttorat tal-MEPA għall-protezzjoni ambjentali (EPD) u d-direttorat tal-ippjanar kienu oġġezzjonaw bis- sħiħ għal din l-applikazzjoni u sostnew li din l-applikazzjoni biex tinbena kamra tan-nar mhix kompatibli mal-użu agrikolu fiż-żona.

L-EPD, kompla jispjega l-Front, kien ukoll wissa li l-iżvilupp propost jhedded ix-xagħri u żewġ nixxiegħat ta’ ilma f’ Wied tal-Ħanżira u Wied ir-Randa. Id-direttorat tal-ippjanar kien wissa li l-fabrika tan-nar tikkawża periklu lill-bdiewa.

L-EPD kien wissa wkoll li fabrika tan-nar toħloq bżonn ta’ iktar infrastrattura biex ikunu jistgħaw jgħaddu inġenji tat-tifi tan-nar f’każ ta’ xi inċident.

Il-Front Ħarsien ODZ innota wkoll li ż-żona ġiet identifikata mill-MEPA stess bħala waħda li potenzjalment tista’ titqies bħala żona ta’ importanza ekologika imma l-ebda deċiżjoni għada ma ttieħdet dwar dan.

Il-Front saħaq li hu mħasseb ukoll li d-deċiżjoni tat-tribunal se tkun ibbazata fuq il-policy il-ġdida dwar l-iżvilupp ta’ fabrikiki tan-nar approvata fl-2014. Din il-policy tiffaċilita l-iżvilupp ta’ kmamar tan-nar fl-ODZ bl-eċċezzjoni ta’ żoni ta ’importanza ekologika u arkeologika.

“L-approvazzjoni ta’ dan l-iżvilupp li ġie miċħud fl-2011 jibgħat messaġġ li l-protezzjoni ambjentali f’Malta qed tkompli tmur lura.” tisħaq l-istqarrija.