Lokali

Kumpaniji lokali ppremjati għall-ewwel darba mill-MCCAA għal servizz tajjeb li taw lill-klijenti

Waqt serata li ttelgħet ilbieraħ filgħaxija, l-Awtorità għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur l-MCCAA ppremjat għall-ewwel darba diversi kumpaniji li taw servizz tajjeb lill-klijenti tagħhom. Dawn il-kumpaniji kienu fost numru akbar li ġew nominati mill-klijenti nfushom fl-ewwel edizzjoni tal-premju ‘Servizz bi Tbissima’.

Il-premju ‘Servizz bi Tbissima’ ntrebaħ mill-kumpanija BHS Department Store f’tas-Sliema filwaqt li fit-tieni u fit-tielet post ġew il-kumpaniji Mothercare tal-Belt Valletta u MSV Life rispettivament.

F’diskors li għamlet, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli spjegat kif meta klijent se jirċievi esperjenza tajba ta’ xiri u attenzjoni personali, il-probabilità hi li jerġa’ jmur biex jinqeda mingħand dak l-istess ħanut jew kumpanija.

Il-Ministru Dalli semmiet kif illum żdiedet ħafna l-kompetizzjoni permezz tax-xiri minn fuq l-internet, hekk kif is-sistema toffri aktar kumdità u diversi vantaġġi. F’dan ir-rigward, hija ħeġġet biex filwaqt li tal-ħwienet itejbu l-esperjeza tax-xiri, għandhom jaraw ukoll li joffru sistema ta’ bejgħ onlajn.

Iċ-Chairman tal-MCCAA Marcel Pizzuto saħaq fuq il-bżonn li l-intrapriżi jibnu relazzjoni bbażata fuq emozzjonijiet peress li din hija ċ-ċavetta li biha tiġi stabbilita relazzjoni dejjiema mal-prodotti jew servizzi li joffru. Semma’ kif huwa essenzjali li s-sidien tal-ħwienet joffru lill-klijenti tagħhom esperjenza unika billi kontinwament janticipaw il-bżonnijiet u l-aspettativi tal-klijenti u possibilment jeċċeduhom kull darba.

Kumpaniji li ġew innominati mill-klijenti tagħhom kellhom jissodisfaw bosta kriterji fosthom l-osservanza tal-liġijiet li jirregolaw in-negozju tagħhom u li jkollhom liċenzja tan-negozju valida. Saru wkoll verifiki dwar jekk il-kumpanija kellhiex ilmenti minn konsumaturi fl-aħħar erba’ snin u jekk kien hemm b’liema mod ġew solvuti kif ukoll jekk il-kumpanija kinitx soġġetta għal deċiżjonijiet tat-tribunal u jekk dawn ġewx onorati.

Intużat ukoll is-sistema tal-mystery shopping fejn kien ivverfikat jekk il-kumpaniji nominati humiex jindikaw il-prezzijiet kif stipulat fil-liġi, l-aċċessibilità tal-istabbiliment, x’livell ta’ servizz bi tbissima kien offrut u s-servizz ta’ return policies sabiex ikun assigurat li d-drittijiet tal-konsumatur huma mħarsa.

L-MCCAA għamlet ukoll sensiela ta’ kwestjonarji mal-konsumaturi dwar is-servizz li jkunu rċevew mingħand l-istabbilimenti konċernati.