Lokali

L-MPA tesprimi solidarjeta’ mall-pulizija u l-vittmi nvoluti

Il-Malta Police Association fi stqarrija maħruġa wara l-inċidenti li seħħew matul dawn l-aħħar ġranet kemm f’Paceville u kif ukoll fil-Marsa esprimiet s-solidarjeta’ mal-Pulizija kif ukoll mall-vittmi nvoluti.

L-MPA fl-istqarrija qalet li dawn l-aħħar inċidenti ikompli jsostnu dak li bħala għaqda ilha tisħaq għal matul dawn l-aħħar xhur kemm permezz ta’ stqarrijiet kif ukoll permezz ta’ interventi fuq il-mezzi tal-xandir, u ċioe’, li hemm bżonn li jkun hemm aktar investiment qawwi kemm fir-riżorsi umani u kif ukoll li l-membri tal-Korp ikollhom it-taħriġ u mezzi kollha dissponibli biex iwettqu d-dmirijiet tagħhom u b’hekk ikunu jistgħu jiddefendu ċ-ċittadini ta’ rieda tajba.

Fl-istqarrija l-MPA ikkundannat kull tip ta’ vjolenza li wħud mill-membri tal-korp tal-Pulizija ħafna drabi jsofru waqt il-qadi ta’ dmirijithom u fakkret li l-pulizija huma ħaddiema bħal kull ċittadin ieħor li joħroġ jaqla’ l-għejxien għall-familja tiegħu u li hu kommess erba’ u għoxrin siegħa kull jum biex ikun hawn il-buon ordni u s-sigurta’ madwar il-pajjiż kollu.

L-Assoċazzjoni kompliet tgħd li hija tilqa’ b’sodisfazzjon ċerti sentenzi tal-Qorti li ngħataw dan l-aħħar, fejn is-sentenzi mgħotija huma ta’ detterent għal min għandu f’moħħu li jkompli jikkalpesta mhux biss il-liġi f’pajjiżna imma anke lill-istess Pulizija u vittmi nvoluti. Minkejja dan pero’ tinnota wkoll illi ċerti sentenzi oħra li ġieli qed jingħataw, ma humiex jirriflettu il-gravita’ tar-reati li jkunu saru fuq il-membri tal-Korp tal-Pulizija.

L-MPA qalet li ilha għal dawn l-aħħar snin titlob li jkun hemm sentenzi li jipproteġu lill-membri tal-Korp u hu għalhekk ser tkompli tħeġġeġ lill-membri tal-ġudikatura biex ikunu riġidi fis-sentenzi li jagħtu għax permezz t’hekk il-membri tal-Korp tal-Pulizija jkunu protetti u wieħed juri kemm verament qed jiġi apprezzat xogħolhom.