Is-Soċjeta` Maltija tal-Avjazzjoni, l-organizzaturi tal-Airshow Internazzjonali ta’ Malta, ħabbret id-dettalji tat 23-il edizzjoni tal-Airshow li ser issir il-ġimgħa d-dieħla, Is-Sibt u l-Ħadd fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta.
Din is-sena, dawk preżenti se jukunu jistgħu jgawdu l-ħiliet ta’ żewġ timijiet b’fama internazzjonali – it-Tim Żvizzeru PC-7 u t-team Orlik mill-qawwa tal-ajru Pollakka. It-tnejn huma magħrufa qalb id-dilettanti tal-Airshows għall-preċiżjoni fil-wirjiet tagħhom.
Il-Black Cats, mir-Royal Navy, mistennija jkunu attrazjoni oħra ewlenija, filwaqt li bosta dilettanti qed jistennew il-wirja tal-F-16 Belġjan, li se jkunu qed juri l-kapaċitajiet tiegħu bħala l-aqwa fighter aircraft fid-dinja.
Joe Ciliberti, President tas-Soċjeta` Maltija tal-Avjazzjoni rringrazzja lill voluntiera kollha biex jipprovdu l-pajjiżna b’Airshow oħra ta livell li jitqabbel sew ma Airshows oħrajn Ewropej.
“Fil-jiem li ġejjijn se jkollna fostna uħud mill-aqwa bdoti u inġiniera fil-qasam tal-avjazzjoni. Dawk li se jattendu l-Airshow se jkunu jistgħu jgawdu minn wirja statika pjuttost varjata, b’diversi ajruplani li wieħed jista jara mill-qrib. L-Airshow hija avveniment għall-familja kollha, u li toffri mhux biss divertiment imma wkoll opportunitajiet edukattivi, grazzi għall inġiniera u bdoti li jkunu qed jirrispondu għall-mistoqsijiet tal-pubbliku” qal Ciliberti.
Hu rringrazzja lill dawk l-entitajiet li taw is-sapport tagħhom, partikolarment lill Ministeru tat-Turiżmu, MTA, AFM, l-Malta Air Traffic Services, MIA, il-Pulizija u d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, kif ukoll organizzazzjonijiet oħra li permezz tagħhom jista jkollna jumejn sbieħ u nteressanti.
L-edizzjoni ta din is-sena tal-Airshow ser issir is-Sibt u l-Ħadd li ġej, 26 u 27 ta’ Settembru, mill-10am sal 5.30pm, fl-ajruport internazzjonali ta’Malta.
Biljetti pre-paid jistgħu jinxtraw mid-diversi ristoranti tal-Burger King f’Malta, u mill-Information Desk u d-Departures Lounge fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta.
Tfal u żgħażagħ taħt l 14-il sena jidħlu b’xejn meta jkunu akkumpanjati minn-adult. Is-Soċjeta` Maltija tal-Avjazzjoni tagħmel dan bl-iskop li tħeġġeġ aktar persuni żgħar fl-eta` jinteressaw irwieħom fis-settur tal-avjazzjoni.
Il-lista sħiħa tal-parteċipanti tinsab fuq is-sit – www.maltairshow.com
//= $special ?>