Il-Partit Nazzjonalista jrid juri li fejn il-Gvern qed jieħu deċiżjonijiet li jaffettwaw ħażin lill-poplu, ikun hemm il-Partit Nazzjonalista bħala tarka tan-nies u jwettaq ġustizzja ma min qed isofri inġustizzji.
Simon Busuttil qal dan waqt interevista li saret mid-Direttur tal-Malta Independent Pierre Portelli met fid-daħla tal-Belt, komplew l-attivtajiet tal-51 anniversarju mill-Indipendenza u l-135 sena mit-twaqqif tal-PN.
Mistoqsi dwar fejn wasal il-PN wara t-telfa elettorali sentejn u nofs ilu, Simon Busuttil qal li f’nofs il-leġislatura, il-PN jinsab f’nofs triq jiġifieri rnexxielu jnaqqas id-distakk bin-nofs. Għalkemm dan hu nofs il-pass, il-PN qed iħoss inkoraġġjament akbar biex ikompli t-triq. L-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali ikkonfermaw il-progress li għamel il-PN. Matul dawn is-sentejn u nofs il-PN għamel diversi riformi fl-istatut, fl-għażla ta’ nies ġodda. Simon Busuttil qal li l-ewwel mira tiegħu kienet li jagħmel lill-PN partit ġdid u lest biex ikun Gvern alternattiv.
Il-Kap Nazzjonalista qal li meta kien imsejjaħ biex imexxi il-PN mill-ewwel enfasizza li l-partit irid jerġa’ jkun partit qrib in-nies.
Simon Busuttil qal li hu jrid iwettaq il-wegħda li jkun qrib in-nies. Kien għalhekk li fost laqgħat oħra ltaqa’ mal-ħaddiema li jaħdmu fl-Isptar ta’ Għawdex. Dawn qed iħossuhom inkwetati dwar il-futur tagħhom għaliex ma jafux x’se jiġri wara li hemm indikazzjonijiet li l-Isptar se jiġi privatizzat. Dan il-pass mhux se jolqot biss lill-ħaddiema iżda anke lill-pazjenti.
Il-PN irid juri li fejn il-Gvern jieħu deċiżjonijiet li jaffettwaw ħażin lill-poplu, ikun hemm il-PN bħala tarka tan-nies.
Simon Busuttil qal li l-PN irid iħares ‘il quddiem. Bħala Kap hu jrid iħares ‘il quddiem, jitgħallem mill-iżbalji tal-passat u jisma’ fejn in-nies ħassewhom imweġġa b’dak li għamel il-PN fil-passat. Uffiċċji mħaddma kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex qed jisimgħu nies imweġġa’ mhux biss bil-passat iżda anke b’dak li qed isir illum.
Gvern ġdid Nazzjonalista se jara li l-inġustizzji tal-Gvern Laburista se ssir ġustizzja magħhom.
Il-Kap Nazzjonalista qal li l-Oppożizzjoni se tikkritika fejn hemm bżonn tikkritika. Kien il-PN li spjega lill-pajjiż l-iskandlu ta’ Gaffarena, tal-Kafe’ Premier, il-każ ta’ Joe Sammut bi ħruġ ta’ visas lill-barranin. Kieku ma kienx il-PN dawn l-iskandli kienu jintesew. Mhux se jaqta’ qalbu jikxef dawn l-iskandli.
Minbarra dan, il-PN għamel ħafna proposti u se jkompli jara li jżid aktar dawn il-proposti. Madwar sena ilu hu kien għamel proposta lill-Gvern dwar kif jista’ jtaffi l-problema tat-traffiku. Kien issuġġerixxa li jħallas it-trasport tat-tfal fl-iskejjel tal-Knisja u tal-privat. Minflok ta każha, il-Gvern warrab din il-proposta. Issa l-Gvern, qed jinkludi din il-proposta ma’ oħrajn meta l-problema tat-traffiku kompliet tiggrava. Simon Busuttil qal li żgur li l-Oppożizzjoni mhix se toħroġ bi proposti stupidi bħal dik li t-tfal ikunu mqajma siegħa aktar kmieni.
Meta tkellem dwar l-ekonomija, il-Kap Nazzjonalista qal li l-ekonomija baqgħet tikber hu sinjal tajjeb. Il-Gvern Laburista baqa’ jsegwi l-passi tal-Gvern preċedenti. Dan ifisser li l-Gvern wiret ekonomija b’saħħitha. Anke jekk hemm sinjali tajbin fl-ekonomija, hemm sinjali li jħassbu. Hu ta’ tħassib in-numru ta’ nies żejda fl-amministrazzjoni pubblika. Hemm il-piż kbir tal-korruzzjoni u l-mod ħażin kif jintużaw il-flus.
Hu ta’ tħassib ukoll il-fatt li l-Gvern ma ħoloq ebda settur ġdid fl-ekonomija. L-unika ħaġa li ħoloq hi l-bejgħ tal-passaporti. Dan mhux biżżejjed biex jilqa’ f’każ li jkun hemm maltemp ekonomiku internazzjonali.
Mistosqi dwar il-privatizzazzjoni tal-Enemalta, Simon Busuttil qal li hu jikkundanna l-ipokresija u l-ingann. Fil-programm elettorali Joseph Muscat qal li mhux se jiprivatizza l-Enemalta. Fil-Gvern għamel kontra.
Il-PN hu favur il-privatizzazzjoni. Iżda setturi importanti bħad-dawl u l-ilma, setturi sensittivi, ma għandhomx ikunu privatizzati biex ikun hemm kontroll. L-istess fl-isptarijiet. Filwaqt li għandu jkun hawn sptarijiet privati, għandu jkun il-Gvern li joffri l-aħjar servizz fis-settur tas-Saħħa.
Simon Busuttil qal li jekk ikun fil-Gvern, il-PN ikun irid jara s-sitwazzjoni u jieħu d-deċiżjonijiet li jkun hemm bżonn.
Pierre Portelli fakkar lil Simon Busuttil li l-PN kien jgħid li ma setgħetx titwettaq il-wegħda tat-tnaqqis tal-kontijiet tal-dawl.
Il-Kap Nazzjonalista qal li l-PN kellu raġun dakinhar meta l-prezzijiet internazzjonali taż-żejt laħqu l-ogħla livelli. Għandu raġun ukoll illum li jitlob aktar tnaqqis għaliex illum il-prezzijiet naqsu b’66 fil-mija iżda l-kontijiet tad-dawl ma naqsux b’daqshekk.
Meta spiċċa mill-Gvern, il-PN kien ħalla l-power station tal-BWSC. Tant hi power station tajba li nxtrat miċ-Ċiniżi. Din qed tipproduċi enerġija bi spejjeż inqas. Hemm ukoll l-interconnector li permezz tiegħu Malta qed tixtri elettriku lest bi prezz irħas.
Dan kollu juri li l-power station ġdida li wiegħed, Joseph Muscat se jkollu jagħmilha mhux għax hawn bżonnha, iżda għaliex inkella l-Prim Ministru jkollu jirriżenja.
Mistoqsi dwar il-pożizzjoni tal-PN dwar il-bejgħ tal-passaporti, Simon Busuttil qal li hu imbarazzanti li l-Prim Ministru jagħmilha ta’ salesman. Fil-prinċipju l-PN qatt ma ħass li hi xi ħaġa xierqa li l-pajjiż ibigħ il-passaporti.
Meta l-Gvern baqa’ jinsisti li l-Gvern idaħħal il-bejgħ tal-passaporti, l-Oppożizzjoni offriet proposti biex l-iskema ħażina tkun aktar aċċettabbli. Illum din tinsab parti mil-liġijiet tal-pajjiż u l-liġijiet għandhom ikunu rispettati.
Meta ġiet trattata l-kwistjoni tal-korruzzjoni, Simon Busuttil qal li dan hu fatt li jidher ċar li qed jinkwieta lin-nies bis-serjeta’. Il-korruzzjoni mhux biss teżisti llum iżda jħossu inkwetat meta jara din kienet preparata b’wegħdiet minn qabel l-elezzjoni.
Simon Busuttil qal li hu kien avviċinat minn Gaffarena biex jitħalla jiftaħ il-pompa tal-petrol f’Ħal Qormi. Hu rrifjuta li jaċċetta din it-talba. Wara l-elezzjoni deher ċar dak li seta’ ġara għaliex ftit wara l-pompa tal-petrol infetħet. L-istess jista’ jingħad dwar il-każ ta’ Joe Sammut. Dan ma setax ħadem waħdu.
Simon Busuttil qal li d-differenza bejnu u bejn Joseph Muscat hu li hu lest li jiġġieled il-korruzzjoni iżda Joseph Muscat mhux jiġġildilha.
Il-Kap Nazzjonalista rrefera għall-każ tar-raġel ta’ Giovanna Debono. Hu qal li m’hix Giovanna Debono li ġiet akkużata. Iżda minħabba n-natura tal-każ ħass li jkun aktar xieraq li Giovanna Debono tibqa’ pass lura. Dan juri li hu jieħu azzjoni iżda Joseph Muscat mhux jieħu azzjoni.
F’każi ta’ klijenteliżmu, Simon Busuttil qal li hu se jkun determinat li min għandu dritt dan jingħatalu. Fejn ma jkunx hemm dritt irid isewwi nuqqas li forsi kien hemm fil-passat u jispjega għaliex ma hemmx dan id-dritt.
Gvern immexxi mill-PN se jkollu ministeru biex in-nies li għandhom dritt jingħatalhom u fejn ma għandhomx dritt ikun spjegat lilhom.
Mistoqsi dwar is-sekularizzazzjoni tas-soċjeta’, Simon Busuttil qal li hu tajjeb li s-soċjeta’ tinbidel mal-bidla taż-żminijiet. Iżda dan ma jfissirx li wieħed għandu jmur fl-estrem.
Simon Busuttil qal li l-liġi tgħid li ma tistax tkasbar ir-reliġjon. Dan ma jfissirx li wieħed ma jistax jikkritika l-Knisja. Il-liġi ma tippermettix tkasbir biex tevita milli jkun hemm theddida fuq l-ordni pubblika. Ebda liġi m’għandha tippermetti li jkun hemm abbuż. Il-Kap Nazzjonalista qal li l-Prim Ministru mhux ineħħi t-tkasbir tar-reliġjon kattolika għandu iżda li ma tkun imkasbra l-ebda reliġjon.
Dwar it-tisħiħ tal-Partit, Simon Busuttil qal li l-partit irid jissaħħaħ ukoll finanzjarjament. F’dan l-aspett qed isir ħafna progress. Il-Partit irid isaħħaħ il-media biex ikun jista’ jwassal il-messaġġ tiegħu bl-aktar mod effettiv.
Il-Gvern qed juża d-Dipartiment tal-Informazzjoni, il-media tal-partit tiegħu u anke l-PBS. Biex ikun jista’ jwassal il-messaġġ tiegħu, l-PN irid jinvesti biex iwassal il-messaġġ bl-aktar mod effettiv.
Dwar il-viżjoni tiegħu għall-pajjiż, Simon Busuttil qal li l-PN qiegħed hemm għall-pajjiż kollu. Mhux it-tir tiegħu li jirbaħ biex ikun fil-Gvern. It-tir ta’ Joseph Muscat kien li jirbaħ l-elezzjoni iżda ma kienx jaf x’se jagħmel ladarba sab ruħu fil-Gvern.
Il-PN irid ikun fil-Gvern għaliex il-pajjiż jixraqlu aħjar. Simon Busuttil qal li l-karriera bdiha billi kien assoċjat mal-Ewropa għaliex dejjem ried livelli aħjar għall-poplu. Irid li bħala pajjiż u poplu, Malta tkun tassew pajjiż ewropew bl-ogħla kwalita’ ta’ politika nafida, l-ogħla kwalita’ tal-ambjent, l-ogħla kwalita’ ta’ impjiegi għaż-żgħażagħ u l-ogħla kwalita’ ta’ kultura.
//= $special ?>