Lokali

Teatru ppakkjat għas-serata kommemorattiva “Ċelebrazzjoni” – 135 Sena ħidma għal Malta

Teatru ppakkjat hekk kif mijiet segwew is-serata kommemorattiva li saret biex jitfakkru u jkunu ċċelebrati l-135 sena ta’ Partit Nazzjonalista. Ċelebrazzjoni, li ttellgħet bis-sehem ta’ numru kbir ta’ atturi, preżentaturi, mużiċisti, parteċipanti u mistiedna speċjali oħra.

Iċ-ċelebrazzjoni tat ħarsa lejn l-epoki li għaddha minnhom il-Partit Nazzjonalista, b’ħarsa anke’ lejn il-kapitli li kitbu l-Kapijiet differenti tal-Partit Nazzjonalista sa’ mill-1880 – meta twaqqaf il-Partit.

L-attur popolari Carlos Farrugia interpreta l-irwoli tal-kapijiet li m’għadhomx magħna, fosthom ta’ Fortunato Mizzi, Ugo Mifsud, Nerik Mizzi u anke’ Ġorġ Borg Olivier. Interessanti li għas-serata intużaw oġġetti ġejjin direttament mill-epoka – bħal kappell ta’ Nerik Mizzi u l-ġakketta u l-ingravata ta’ Ġorġ Borg Olivier.

Is-serata tat ukoll ħarsa lejn il-perjodu tal-Kapijiet Eddie Fenech Adami u Lawrenec Gonzi. Għall-perjodu ta’ Eddie Fenech Adami ixxandru intervisti esklussivi ma’ numru ta’ personalitajiet mill-kamp demokristjan, fosthom is-Segretarju tal-UDC Lorenzo Cesa u l-politiku Taljan Rocco Bottiglione.

Mistieden speċjali ieħor waqt is-serata kien il-Kurunell Al Rabty, il-Libjan li sfida lil Gaddafi u minflok ġie Malta għall-wens u l-appoġġ tal-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi. Al Rabty jgħid li hu għadu ħaj grazzi għal Lawrence Gonzi.

Waqt is-serata xxandru wkoll features dwar il-Kap preżenti tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil u ntemmet bid-daqq tal-innu Malti minn orkestra li animat is-serata kollha bid-daqq ta’ siltiet ta’ mużika sinonimi mal-perjodu differenti rappreżentati.

Is-serata kellha l-produzzjoni u l-kordinazzjoni ta’ Peter Busuttil u Robert Cutajar. F’kummenti ma’ MaltaRightNow.com, id-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar irringrazzja lill-ħaddiema kollha ta’ Media.Link Communications għall-ħidma tagħhom biex din l-attivita’ setgħet tittella’ u tkun suċċess.