Internazzjonali

Twelled u tabbanduna tarbija biex ma tikxifx ir-relazzjoni sigrieta

Mara miżżewġa fir-Renju Unit welldet tarbija u abbandunatha fuq l-għatba ta’ residenza għaliex beżgħet li din kienet il-frott ta’ relazzjoni sigrieta u li żewġha kien se jsir jaf li hi ma kenitx fidila lejh.

Leigh-Anne Varley, ta’ 36 sena, kienet welldet it-tarbija fil-kamra tal-banju tar-residenza tagħha wara li rnexxielha taħbi t-tqala għal disa’ xhur. Intant, hi iddeċidiet li titlaq it-tarbija barra blokk appartamenti, viċin id-dar tagħha f’Park View, f’Horden, f’County Durham.

It-tarbija (tifel), li ssemma ‘Jack’ mill-qbiela, instab minn kelb li kien qed idur fl-inħawi, biċ-ċkejken jiddaħħal l-isptar fejn ingħata t-trattament dovut.

Dan il-każ imur lura għal Mejju u Varley, li għandha tifel ieħor ta’ sitt snin, ingħatat sentenza sospiża mill-qorti (effettiva għal 14 il-ġimgħa) wara li ammettiet dwar ‘traskuraġni fil-konfront tat-tfal’. Il-Qorti tal-Maġistrati ta’ Peterlee semgħet dwar kif il-mara abbandunat lil binha ċkejken u li hi kellha ċċedi lill-pulizija, ladarba kien instab ‘Jack’.

Maż-żmien sar magħruf li Varley kienet inkwetata ferm li l-familja tagħha setgħet tinfired li kieku żewġha kellu jkun jaf li hi kellha x’taqsam ma’ ħaddieħom. Sadanittant, Varley lanqas ma riedet tħassar ‘vaganza tal-ħolm’ lejn Disneyland li familtha kienet ilha tippjana għal żmien.

Il-Prosekuturi, sadanittant, irreferew għal dan il-każ bħala ‘wieħed li jqanqal sens ta’ niket’.