“In-nies xtaqu bidla, imma din mhix il-bidla li xtaqu. Dan il-poplu jixraqlu Gvern aħjar. U għalhekk illum irrid nistedinkom tingħaqdu miegħi biex il-Partit Nazzjonalista joffri hu l-bidla li xtaqu n-nies. Ladarba l-Gvern Laburista ma tax lill-poplu l-bidla li wiegħed, għandna aħna d-dmir – anzi, jiena ngħid għandna l-opportunità – li noffru aħna l-bidla li l-poplu kien jistenna.
Joseph Muscat wiegħed bidla għall-aħjar. Falla. Minflok, tana bidla għall-agħar. U jien għalhekk qiegħed hawn illum. Biex nistedinkom ħalli flimkien nagħtu l-bidla li ma tax il-Gvern Laburista”.
Kliem il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil meta llejla ndirizza eluf ta’ nies fid-Daħla tal-Belt Valletta fil-Mass Meeting li permezz tiegħu ġew fi tmiemhom iċ-ċelebrazzjonijiet organizzati mill-PN biex ifakkar il-51 sena mill-kisba tal-Indipendenza, u l-135 sena mit-twaqqif tiegħu.
Filwaqt li beda billi ta merħba lil dawk preżenti, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista qal li ċ-ċelebrazzjoni tal-Indipendenza hi għażiża għal kull min iħobb lil Malta. Hi ċelebrazzjoni għall-Partit Nazzjonalista għaliex hu partit kburi li kellu mexxejja kbar b’viżjoni li mexxew lill-pajjiż lejn kisbiet kbar, bħall-indipendenza, id-demokrazija, il-libertà u s-sħubija fl-Unjoni Ewropea li tat l-istil ta’ ħajja Ewropea li l-poplu jgawdi llum.
Simon Busuttil qal li mhix l-intenzjoni tiegħu li jitkellem fuq il-passat iżda jrid jitkellem fuq il-prezent u u l-futur. “Li jinteressani hu l-preżent u l-futur tal-poplu Malti u Għawdxi.”
Hu żied li sentejn u nofs ilu, il-poplu għażel li l-PN ikun fl-Oppożizzjoni. Dan iż-żmien mhux qed ikun moħli u qed jintuża biex il-partit jerġa’ jqum fuq saqajh.
Simon Busuttil qal li l-partit iġġedded mill-qiegħ bi strutturi, ideat, nies u kandidati ġodda. Fost il-kandidati ġodda approvati dan l-aħħar hemm uħud ġejjin mill-Partit Laburista, fakkar Simon Busuttil.
“Qed noffru Oppożizzjoni b’saħħitha fil-Parlament li żżomm lill-Gvern taħt il-lenti u kull meta jiżbalja qegħdin hemm biex ngħidulu li żbalja. Qed inkunu l-vuċi tagħkom,” qal il-Kap Nazzjonalista.
Simon Busuttil qal li qed tissaħħaħ ukoll il-media tal-Partit biex il-messaġġ jitwassal b’mod aktar effettiv. Għalhekk se jsir investiment kbir, mhux b’kapriċċ. “Ladarba l-Gvern ħataf il-PBS u reġa’ ġabu Xandir Malta, aktar u aktar irid ikollna stazzjon b’saħħtu biex inwasslu l-messaġġ tagħna” qal il-Kap tal-PN, waqt li appella lill-poplu biex jagħti sehmu ħalli jinġabru l-flus meħtieġa għal dan il-proġett.
Simon Busuttil żied jgħid li l-PN qed jagħmel differenza. Filwaqt li ħafna jaħsbu li mhux possibbli li l-PN jegħleb id-distakk f’ħames snin, ftit xhur ilu r-riżultati tal-Kunsilli Lokali wrew li dan l-iżvantaġġ naqas bin-nofs.
“Sentejn u nofs ilu, il-poplu għażel il-bidla għaliex ġie mwiegħed bidla għall-aħjar. Illum kulħadd jistaqsi jekk dan seħħx.”
Filwaqt li hemm aspetti li baqgħu mexjin tajjeb, bħall-ekonomija li baqgħet tagħti rizultati għaliex il-Gvern żamm id-direzzjoni ekonomika li kellu l-pajjiż,ikun zball min jaħseb li l-ekonomija tista’ tibqa’ miexja waħidha, sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni.
“Meta noħolqu l-ġid ekonomiku għandna nqassmuh b’mod ġust bejn kulħadd u mhux jaħtfuh il-ftit tal-qalba. Wasalna fi stat fejn in-nies f’riskju ta’ faqar żdiedu u telgħu għal mitt elf. Hawn mitt elf fil-faqar u elf jiffangaw,” enfasizza Simon Busuttil.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista staqsa fejn huma r-roadmaps li l-Partit Laburista wiegħed qabel l-elezzjoni.
Hu qal li fil-laqgħat li jkollu man-nies isib min jilmenta mill-umiljazzjoni ta’ omm li tmur fuq stretcher fl-isptar, u min ikollu jixtri jew imur jittallab lill-Community Chest Fund biex jixtri l-mediċini ghall-kura tal-kanċer. Kellu jkun Gvern Nazzjonalista li ħadem biex inbena Ċentru tal-Onkoloġija ħdejn Mater Dei. Kulma għamlu l-Ministri ta’ Joseph Muscat hu li marru jaqtgħu ż-żigarella. “Għaddew sentejn u għadhom jiftħu proġetti tal-Gvern Nazzjonalista,” qal Simon Busuttil.
Il-Kap tal-PN irrefera għal laqgħat li kellu ma’ ħaddiema tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u li matulhom seta’ jifhem l-inċertezza li jinsabu fiha. Filwaqt li sellem lil dawn il-ħaddiema, Simon Busuttil qal li waqt li Joseph Muscat qed jarmihom, se jsibu lill-PN warajhom u jappoġġjahom.
Hu tkellem ukoll dwar il-biża’ ta’ anzjani fl-inħawi madwar Tas-Sliema u t-tħassib ta’ min għandu wliedu jiffrekwentaw Paceville. F’dan il-lokal ta’ divertiment hemm erba’ pulizija iżda madwar il-Prim Ministru hemm sitta jew tmien pulizija.
It-traffiku hu problema oħra li s-soluzzjoni li pprovda għaliha l-Gvern hi li t-tfal jiġu mqajma fil-ħamsa ta’ filgħodu ħalli jmorru l-iskola siegħa qabel. Simon Busuttil fakkar kif il-Gvern injora proposta li hu kien għamel biex il-Gvern iħallas għat-trasport tat-tfal fl-iskejjel tal-Knisja u Indipendenti. L-iskuża tal-Gvern kienet li ma kellux finanzi għal dan. “Iżda flus għall-Café Premier kellhom,” qal il-Kap Nazzjonalista.
Fit-trasport pubbliku l-Gvern baqa’ sakemm kisser dak li sab bil-wegħda li jagħmel bidliet kbar. L-unika bidla li għamel hi li minn sussidju ta’ għaxar miljun ewro tellgħu għal tletin miljun. Il-prezzijiet fl-Ewropa għall-petrol u d-diesel roħsu b’żewġ terzi iżda f’pajjiżna baqgħu fost l-ogħla.
Fil-każ tal-elettriku, kompla Simon Busuttil, barra li waqa’ l-prezz taż-żejt, hemm ukoll il-power station tal-BWSC u l-interconnector li m’għamilhomx Joseph Muscat. Grazzi għall-investiment li għamel Gvern Nazzjonalista l-prezz tal-produzzjoni tal-elettriku raħas. Allura bir-raġun li l-korpi kostitwiti jinsistu li l-kontijiet tad-dawl jorħsu ħafna aktar.
“Għalhekk jien ningħaqad mal-appell tal-GRTU u tal-Kamra tal-Kummerċ kif ukoll tal-MEA biex l-elettriku jorħos ferm aktar.” Il-Kap Nazzjonalista appella lill-għaqdiet l-oħra tas-soċjetà ċivili biex iżidu l-vuċi tagħhom ukoll.
Simon Busuttil staqsa x’sar minnha l-power station ta’ Joseph Muscat. Suppost kellu jirriżenja jekk ma jlestihiex. Mhux talli mhix lesta, iżda jidher ċar li lanqas hemm bżonnha, spjega Simon Busuttil.
B’arroganza l-Prim Ministru jrid ikompli jwebbes rasu. “Trid tkun irresponsabbli biex tgħabbi l-poplu b’piż li m’hemmx aktar bżonnu”. Kemm hi irresponsabbli d-deċiżjoni tal-Prim Ministru joħroġ mill-fatt li l-Gvern se jkollu jintrabat li bilfors jixtri l-elettriku għal 18-il sena anke jekk il-prezz ikun irħas banda oħra. Issa qed isallab lill-poplu b’garanzija ta’ 360 miljun ewro – piż ta’ €2,500 fuq kull familja.
Simon Busuttil qal li wegħda oħra kienet ambjent aħjar. Minflok ambjent aħjar qed joħorġu permessi bl-addoċċ kullimkien biex iħallsu għall-obbligi li daħlu għalihom qabel l-elezzjoni.
Wiegħdu ambjent aħjar, iżda minflok, Muscat qabad art pubblika fiż-Żonqor u ta lil xi ħadd għall-iżvilupp minn wara dahar kulħadd. Minflok ambjent aħjar il-Gvern reġġa’ l-pajjiż lura għal żmien Lorry Sant.
Simon Busuttil qal li nies fin-negozju fil-Belt qalulu li l-Gvern qed jgħollilhom il-kera b’mod esaġerat. Il-Gvern nesa lin-negozji żgħar li huma l-mutur tal-ekonomija ta’ kuljum. Hemm kumpaniji li qed jaqtgħu qalbhom japplikaw għal kuntratti tal-Gvern għaliex m’għandhomx fiduċja fil-proċess tal-għażla.
Il-Kap Nazzjonalista tkellem ukoll dwar il-wegħda tal-meritokrazija, it-trasparenza u r-responsabbiltà politika. F’dan il-każ, minflok illum hawn ħafna li sofrew minħabba diskriminazzjoni kontrihom biex jinqdew tal-qalba.
“Il-PN qed isegwi x’jiġri. Il-PN hu t-tarka tagħkom u se jara li ssir ġustizzja magħkom,” qal Simon Busuttil.
Hu żied li tal-qalba qed jiffangaw u jaħtfu. Il-mara ta’ Ministru taqla’ €13,000 fix-xahar bla mistħija. Backbenchers jitħallsu flejjes kbar biex isoddulhom ħalqhom, deputat parlamentari jsir chairman part-time b’xufier full-time u l-Prim Ministru stess, li suppost jagħti l-eżempju jitħallas talli juża l-karozza tiegħu stess.
Agħar minn hekk, kompla l-Kap tal-PN, il-Gvern qed jagħlaq għajnejh għall-korruzzjoni – korruzzjoni istituzzjonalizzata għax qed issir bil-barka tal-Gvern. Skandlu wara ieħor. Cover-ups ta’ xufier ta’ Ministru li jispara fuq xi ħadd. Ħniżrijiet b’Joseph Muscat bħala Prim Ministru jċedi kawża kontra Joseph Muscat Mexxej Laburista biex il-PL jakkwista Australia Hall b’valur ta’ għaxar miljun ewro.
Oxxenitajiet, bil-Gvern jagħti erba’ miljun ewro lil Café Premier għax falla. Korruzzjoni bil-Gvern jagħmel lil Gaffarena miljunarju għal nofs dar fil-Belt. Ħabi ta’ żjarat mill-Prim Ministru u l-Ministru Konrad Mizzi fl-Ażerbajġan. Simon Busuttil staqsa fejn marru l-14-il miljun ewro li ntilfu bi ftehim moħbi li sar mal-Ażerbajġan.
Il-Kap Nazzjonalista rrefera wkoll għall-eluf ta’ permessi li ngħataw lil barranin fi skandlu li jtappan ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.
Simon Busuttil qal li l-Oppożizzjoni se tibqa’ tinsisti li ssir inkjesta indipendenti biex dak li sar ħażin fil-ħruġ tal-eleuf tal-permessi ta’ residenza u fl-iskandlu tal-visas jinkixef u jitwaqqaf.
Il-Kap Nazzjonalista qal li għandna Gvern bla prinċipju li għalih kollox għall-bejgħ bħall-passaporti u l-permessi ta’ residenza.
“Għandna Gvern li jixtri lil kulħadd, illaxkaw il-kodiċi ta’ etika tal-ministri. Qed idaħħlu mentalità ta’ xejn mhu xejn. F’dan il-pajjiż sar jaqbillek tikser il-liġi milli tobdi l-liġi,” qal Simon Busuttil.
“Għandna Gvern bla prinċipji u bla etika. Kull darba naħseb li missew il-qiegħ iżda kull darba qed iħaffru aktar fil-fond.”
Simon Busuttil qal li n-nies xtaqu bidla iżda din mhix il-bidla li riedu. Il-poplu jixraqlu Gvern aħjar. “Għalhekk irrid nistedinkom tingħaqdu miegħi biex il-PN joffri hu l-bidla li xtaqu n-nies.”
Simon Busuttil qal li l-isfida tal-PN minn issa ‘l quddiem hi li joffri gvern alternattiv billi juri li hu kapaċi jkun aħjar minn dak li kien fil-passat u billi jkun qabża ‘l quddiem fuq il-Gvern Laburista.
Il-Kap tal-PN qal li ma jridx jirbaħ minħabba l-iżbalji ta’ ħaddieħor iżda għaliex iħoss li hu aħjar minnn ħaddieħor.
Simon Busuttil qal li hu jrid politika onesta u jrid idaħħal l-istandards Ewropej. “Dan hu dak li jistennew minna n-nies. Għalhekk meta jien inkun Prim Ministru, il-Gvern se jgħidlek il-verità u mhux jigdeb. Il-Gvern jippubblika l-kuntratti u mhux iżommhom moħbija. Il-Gvern se jiġġieled il-korruzzjoni u mhux iħalli lil min ibill subgħajh”.
Simon Busuttil qal li jrid pajjiż li jkun tassew pajjiż ta’ opportunità għaż-żgħażagħ, soċjetà ġusta fejn il-pajjiż ikun hemm għall-poplu meta dan l-aktar li għandu bżonn.
“Taċċettawx li tgħixu fil-biża’. Ftakru li l-PN hu t-tarka tagħkom. Ftakru li kull min sofra inġustizzja, malli jien inkun Prim Ministru se nara li ssir ġustizzja miegħu”.
Simon Busuttil qal li qed ngħixu fi żmien fejn l-Ewropa qed tara mijiet ta’ eluf ta’ nies jaslu biex ifittxu kenn mill-gwerra. Dan qed iwassal biex anke l-Maltin qed iħossu sens ta’ biża’ u inċertezza. Il-poplu Malti dejjem ta l-għajnuna tiegħu. Issa li l-immigrazzjoni waslet fil-qalba tal-Ewropa, il-gvernijiet Ewropej għandhom sa fl-aħħar jieħdu d-deċiżjonijiet li messu ilhom li ħaduhom u li Malta ilha tisħaq fuqhom.
“Dan hu mument li jiddetermina l-futur tal-Ewropa. Jew negħlbu l-isfidi flimkien jew kulħadd jaqdef għal rasu. Jien nemmen li hu biss fl-għaqda li l-Ewropa tista’ tegħleb l-isfidi li ebda pajjiż ma jista’ jegħleb waħadu.”
Simon Busuttil qal li se jkompi jaħdem biex jitħares l-ambjent u meta jkun Prim Ministru mhux se jħalli tinqered il-kampanja li fadal. “Jien irrid li napprezzaw u ngawdu l-kultura tagħna.”
Il-Kap Nazzjonalista qal li dan hu l-mod kif tista’ ssir politika differenti. Dan hu l-mod kif il-pajjiż jista’ jitmexxa aħjar.
Joseph Muscat wiegħed bidla għall-aħjar u falla. “Jien għalhekk qiegħed hawn illum, biex nistedinkom ħalli flimkien nagħtu l-bidla li ma tax Gvern Laburista. Ejja ningħaqdu flimkien biex ikollna tassew dak li jixirqilna, biex tassew Malta tkun tagħna lkoll. Pass pass qed nuri li f’pajjiżna l-politika tista’ ssir b’mod differenti. It-triq hi twila. Qegħdin fit-triq it-tajba u mhu se naqtgħu qalbna qatt.
Naslu bħalma dejjem wasal il-Partit Nazzjonalista. Naslu għal Malta. Naslu għall-Maltin. Viva Malta Indipendenti” temm id-diskors tiegħu Simon Busuttil, għaċ-ċapċip tal-eluf ta’ nies preżenti fid-Daħla tal-Belt Valletta.
//= $special ?>