Lokali

FILMAT: Protesta mill-“Patrijotti Maltin” kontra l-immigranti; il-Pulizija jintervjenu

Madwar mitejn persuna membri tal-Għaqda Patrijotti Maltin inġabru fil-Belt Valletta f’protesta kontra l-immigrant u r-refuġjati, protesta li għal diversi drabi matulha kellhom jintervjenu l-Pulizija biex jikkontrollaw u jipproteġu lil xi membri tal-media li kienu preżenti.

Fost il-membri tal-media, il-preżentatur tal-programm Xarabank Peppi Azzopardi, li kien preżenti biex jieħu kummenti ta’ dawk preżenti. Iżda l-Pulizija għal diversi drabi kellhom jintervjenu biex joffru protezzjoni lill-Prezentatur.

Il-protesta telqet minn ħdejn Triq ir-Repubblika u għaddiet minn quddiem il-Qorti, fejn dawk preżenti kienu indirizzati mill-organizzaturi tal-protesta, li għal diversi drabi kellhom ifakkru lil dawk preżenti li huma m’humiex jipprotestaw kontra l-kulur tal-immigranti, iżda kontra l-integrazzjoni sfurzata.

Madanakollu, f’diversi ħinijiet tal-protesta dehru nurmu ta’ dimostranti jgħajjtu “Malta tal-Maltin biss” hekk kif bdew jintlemħu persuni ta’ karnaġġjon skur għaddejin mit-triq.

Fl-isfond ta’ l-għajjat “Malta għal Maltin biss”, il-grupp żgħir ta’ dimostranti għaddew minn qalb turisti li kienu mexjin fit-toroq tal-Belt Valletta hekk kif waqfu jħarsu b’kurżita’ lejn dak li kien qed iseħħ.

Malli l-grupp ta’ dimostranti avvanzaw qrib il-bini tal-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew f’Malta, il-Pulizija kellhom iwaqqfu d-dimostranti fi Triq il-Merkanti, bħala prekawzzjoni.

Id-dimostranti xejjru bnadar ta’ Malta biex jiġġustifikaw l-appelli tagħhom biex “islvaw” lil Malta. Huma qalu li qed tinġabar petizzjoni f’dan ir-rigward. Waqt il-protesta xxejjru kartelluni kontra l-immigranti, fosthom kartellun partikolari li juri lil Malta tagħti daqqa ta’ sieq ‘il barra lil personaġġ li jidher liebes ilbies sinonimu mar-reliġjon Musulmana.