Il-kampanja ta’ Pink October qed timmira li tiġbor €60,000 f’fondi minn diversi attivitajiet u avvenimenti li se jsiru tul Ottubru li ġej. Id-donazzjonijiet se jintużaw biex jinxtara apparat mediku li jieħu x-rays ta’ bijopsiji tas-sider li jittieħdu b’magna tal-mammogrammi sofistikata fl-Isptar Mater Dei. Se tintuża wkoll biex jittieħdu x-ray ta’ kampjuni li jkunu tneħħew waqt l-operazzjoni. B’hekk, il-kirurgu jkun jista’ jkun aktar preċiż fit-tneħħija tal-kanċeri mis-sider u għalhekk ir-riżultati jkunu aħjar.
Dan tħabbar minn Adrian Fabri, Direttur tal-JP Advertising. Għat-tnedija tal-kampanja kien hemm preżenti rappreżentanti ta’ The Marygold Foundation, ta’ Europa Donna, Malta u tal-Action for Breast Cancer Foundation. Pink October 2015 se tgħaqqad dawn l-organizzazzjonijiet u l-maġġoranza tal-midja f’Malta fosthom NET TV biex jorganizzaw wieħed mill-akbar avvenimenti filantropiċi biex jgħinu r-riċerka u jżidu l-għarfien dwar il-kanċer tas-sider f’Malta.
L-avvenimenti tal-massa se jibdew il-11 ta’ Ottubru fit-8.30 a.m. b’rikba tal-muturi mill-bajja ta’ Golden Sands u tispiċċa Cavalieri Art Hotel. Attivitajiet oħra jinkludu kampanja biex titqajjem kuxjenza li se ssir fi Dukes Shopping Mall f’Għawdex, kunċert mill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta fit-Teatru Manoel, Ġranet Roża x-xogħol, irkant tal-arti, Ġurnata dwar is-Saħħa tas-Sider fi Pjazza San Ġorġ il-Belt u konvenzjoni tat-tattoos fost oħrajn. Il-kampanja tintemm b’mixja ta’ solidarjetà minn Pjazza Gavino Gulia f’Bormla fl-10:00 am sa SmartCity Malta, nhar il-Ħadd, il-25 ta’ Ottubru.
//= $special ?>