Il-Papa Franġisku iċċelebra quddiesa għal għexieren ta’ eluf tan-nies fil-Pjazza tar-Rivoluzzjoni ta’ Havana, fejn kien hemm preżenti l-President ta’ Kuba Raul Castro.
Il-Kap tal-Kattoliċi jinsab għaddej bi żjara ta’ erbat ijiem f’Kuba u, waqt l-omelija, qal li ‘l-Kristjani ta’ spiss ikunu msejħa biex iwarrbu x-xewqat personali u minflok jaħsbu biex jgħinu lill-aktar persuni vulnerabbli’. Filwaqt li l-Papa ma indirizzax is-sitwazzjoni politika ta’ Kuba, hu wissa lill-Gvern Kolombjan u r-ribelli FARC tax-xellug li ma jistgħux jippermettu ‘falliment ieħor’ fit-taħditiet li għaddejjin f’Havana.
Il-quddiesa tallum hi anki storika għaliex din hi l-ewwel darba li Kap tal-Knisja Kattolika indirizza lill-poplu ta’ Kuba bl-Ispanjol, bħala l-lingwa komuni. Preżenti f’Havana kien hemm ukoll il-President tal-Arġentina ( u kompatrijotta tal-Papa) Cristina Fernandez de Kirchner.
Mal-bidu tal-quddiesa, il-membri tas-servizzi tas-sigurtà dehru jarrestaw talanqas tliet persuni li kienu qed jagħjtu u jippruvaw iqassmu l-fuljetti fil-limiti tal-Pjazza tar-Rivoluzzjoni. Intant, il-Papa waqaf biex jiltaqa’ ma’ wħud mid-devoti li marru biex jisimgħuh waqt li fi triqtu lejn is-servizz f’Havana.
Fis-sigħat ta’ qabel, il-Papa kien faħħar it-titjib riċenti fir-relazzjonijiet diplomatiċi bejn Kuba u l-Istati Uniti bħala ‘eżempju ta’ rikonċiljazzjoni għad-dinja’.
Hu ħeġġeġ biex Kuba u l-Istati Uniti ‘ikomplu fit-triq tad-djalogu’. Il-Papa, fl-istess ħin, esprima sodisfazzjon għall-ispinta fil-kooperazzjoni bejn il-Gvern ta’ Kuba u l-Knisja Kattolika, u insista biex il-Knisja f’Kuba ‘tingħata l-libertà u l-mezzi biex issegwi l-missjoni tagħha’.
Wara l-quddiesa tallum, il-Papa Franġisku ltaqa’ wkoll mal-eks Mexxej ta’ Kuba Fidel Castro, ħu l-President ta’ Kuba attwali u s-simbolu tar-rivoluzzjoni. Il-laqgħa saret fir-residenza ta’ Castro f’Havana fejn il-Papa u l-eks-mexxej veteran iddiskutew ma’ xulxin għal nofs siegħa.
//= $special ?>