Lokali

Inawgurat l-Isptar tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

L-Isptar tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo, proġett mibdi minn Gvern Nazzjonalista, illum kien inawgurat uffiċjalment f’ċerimonja qasira.

L-Isptar għandu 113-il sodda u tliet linear accelerators u se jfisser qabża ‘il quddiem għall-kura tal-kanċer f’Malta.

Fid-diskorsi tagħhom, kemm is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Ian Borg, is-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa Chris Fearne u l-Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa Konrad Mizzi sellmu u rringrazzjaw il-ħidma tal-amministrazzjoni preċedenti, ewlieni fosthom l-eks Ministru tas-Saħħa Joe Cassar, li taħt it-tmexxija tiegħu kien inbeda dan il-proġett u tkompla taħt it-tmexxija tal-eks Ministru tas-Saħħa Godfrey Farrugia, li inċidentalment qed jissielet mal-marda tal-kanċer.

Ian Borg irringrazzja il-ħidma ta’ diversi entitajiet, kemm fil-Ministeru tas-Saħħa kif ukoll fil-Ministeru tal-Affarijiet Ewropej sabiex il-proġett jitlesta u jkunu assorbiti l-fondi Ewropej. L-Isptar tal-Onkoloġija tlesta b’investiment ta’ €50 miljun, b’€42 miljun fondi mill-Unjoni Ewropea. L-Isptar għandu 113-il sodda, iktar mid-doppju tal-Isptar Sir Paul Boffa.

Min-naħa tiegħu is-Segretarju Parlamentari Chris Fearne qal li l-kura tal-kanċer hi l-fruntiera l-ġdida fil-mediċina wara li ngħelbu l-isfidi tal-mard infettiv u tal-mard tal-qalb. Chris Fearne ħabbar ukoll li l-Pjan Nazzjonali għall-Kura tal-Kanċer għas-snin 2016-2020 jinsab fl-istadji finali tiegħu.

Il-Ministru Konrad Mizzi faħħar il-kollaborazzjoni bejn l-entitajiet differenti li wasslu biex il-proġett jitlesta u joffri ambjent mill-aqwa għall-pazjenti. Hu qal li l-pass li jmiss hu li jsir titjib fl-Isptarijiet Karin Grech, Mount Carmel u l-Isptar Ġenerali t’Għawdex.

L-Isptar tbierek mill-Arċisqof ta’ Malta, Monsinjur Charles Scicluna. Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm ukoll l-eks Ministru tas-Saħħa Joe Cassar u x-Shadow Minister għas-Saħħa Claudette Buttigieg.