Internazzjonali

Jaqsmu r-ribelli mit-Turkija lejn is-Sirja

Grupp ta’ għexieren tar-ribelli appoġġjati mill-Istati Uniti qasmu mit-Turkija lejn it-Tramuntana tas-Sirja bl-iskop li jikkumbatti lill-militanti li qegħdin jippersistu bi gwerra Iżlamika jew ‘jihad’.

Kelliema għas-Syrian Observatory for Human Rights qalu li r-ribelli, fi tmiem il-ġimgħa, daħlu bil-vetturi fit-territorji Sirjani. L-iżvilupp seħħ ftit jiem wara li Ġeneral ewlieni tal-Armata Amerikana qal li fis-Sirja kienu għadhom qed jiġġieldu biss ‘ftit ribelli’ li ngħataw it-taħriġ mill-Istati Uniti.

Madankollu, jidher li l-ġellieda ‘ġodda’ daħlu bħala konvoj fil-provinċja Sirjana ta’ Aleppo fejn kellhom appoġġ mill-qawwiet tal-ajru tal-koalizzjoni mmexxija mill-Amerikani u li qed tattakka l-fortizzi tal-militanti tal-ISIS fis-Sirja u l-Iraq.