Internazzjonali Lokali

L-Afrikan f’nofs l-Iraqin u s-Sirjani li mexa 7,000km biex daħal l-Ungerija

Jekk wieħed jaħseb li dawk li qed jaqsmu mil-Lvant lejn iċ-ċentru tal-Ewropa huma biss refuġjati Iraqin jew Sirjani, sejjer żball. L-istorja ta’ Samuel* hija xhieda tal-martirju li għaddejjin minnu numru kbir ta’ Afrikani li qed jaħarbu minn djarhom biex isibu futur aħjar ’il barra minn dan il-kontinent, u li qed jgħaddu mir-rotta l-ġdida tat-Turkija minflok jaqsmu l-Mediterran.

Iltqajt ma’ Samuel f’Roszke, il-belt Ungeriża li tinsab eżatt mal-fruntiera Serba. Dan ir-raġel mill-Kamerun lanqas biss ried jemmen li kien għadu kif daħal fit-territorju Ungeriż, u li fi ftit sigħat oħra kien se jiġi trasportat mill-pulizija bil-karozzi tal-linja lejn Budapest. Mill-belt kapitali Ungeriża mbagħad, kellu jibqa’ sejjer lejn il-Ġermanja – il-pajjiż fejn Samuel jixtieq jibni futur.

Għall-ewwel, dan ir-raġel mill-Kamerun beża’ ħafna xħin ersaqt lejh. Kien ilu ġranet sħaħ jivvjaġġa. Kien għajjien ħafna. Talabna sigarett, u minn hemm donnu ħassu komdu jirrakkonta dak kollu li għadda minnu.

“Tlaqt mill-Kamerun aktar minn xahrejn ilu, u vvjaġġajt parti kbira mit-triq fuq saqajja,” spjegali Samuel. “Warajja ħallejt il-familja. Tlift kollox f’pajjiżi.”

Ir-raġel mill-Kamerun spjega li hu qed jittama li jmur jgħix f’pajjiż sigur, biex imbagħad jibgħat il-flus lill-familja tiegħu. It-tama ta’ Samuel hi li jibda jgħix u jaħdem fil-Ġermanja.

Biex ħarab mill-Afrika, Samuel qalli li mexa kważi 7,000km u għadda minn madwar għaxar pajjiżi differenti. Hu spjegalna li meta telaq mill-Kamerun, ivvjaġġa lejn il-Marokk. Eventwalment, sab ruħu t-Turkija biex beda r-rotta lejn l-Ungerija.

“Mit-Turkija tlaqt lejn il-gżira ta’ Kos, imbagħad ivvjaġġajna lejn Ateni fid-direzzjoni ta’ Thessaloniki. Minn hemm qsamt lejn il-Maċedonja, dħalt fis-Serbja u issa nispera li sa fl-aħħar wasalt l-Ungerija,” qalilna Samuel. Sa dak il-ħin kien għadu dubjuż jekk verament qasamx il-fruntiera Serba. Kellu bżonn ħafna mistrieħ, ilma u xi ħaġa tal-ikel.

Fil-kamp ta’ Roszke sab numru ta’ voluntieri u membri tal-Aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR) u l-Caritas li bdew jagħtu s-sostenn meħtieġ lir-refuġjati kollha tul il-fruntiera. Dan meta sa bħal-lum ġimgħa, ir-rotta ta’ Roszke kienet għadha miftuħa.

L-istorja ta’ Samuel, u stejjer ta’ refuġjati oħra li ltqajna magħhom fl-Ungerija, se tkunu tistgħu ssegwuhom f’dokumentarju ta’ siegħa li se jidher fuq Net TV nhar il-Ħamis li ġej fid-9:10pm

*Samuel huwa l-isem li użajna biex nirreferu għal dan ir-raġel li beda jibża’ jagħtina l-identità vera tiegħu għaliex kien kważi terrorizzat li qed jitkellem mal-media.

Dan id-dokumentarju huwa miġjub bl-appoġġ ta’ EuroTours bħala sponsors ewlenin.

Sirjani (1)

Sirjani (2)