L-Awstrija, fi tmiem il-ġimgħa, laqgħet eluf oħra ta’ immigranti fost id-diżgwid bejn il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea dwar l-aħjar mod kif jikkontrollaw kriżi umanitarja li ilha l-ġimgħat tispikka fl-Istati tal-Lvant u taċ-ċentru.
L-awtoritajiet Awstrijaċi qalu li, ilbieraħ, daħlu talanqas 10,000 immigrant f’arthom; bl-aħħar mewġa ta’ refuġjati jintbagħtu mill-Kroazja lejn l-Ungerija, u bl-awtoritjiet Ungeriżi, imbagħad, jistrasportawhom lejn it-territorji tal-Awstrija.
Sadanittant, l-Ungerija akkużat lill-Kroazja b’li kisret ir-regoli wara li naqset milli tirreġistra lill-immigranti. Iżda wħud mill-immigranti qalu li lanqas l-awtoritajiet Ungeriżi ma ħadu ħsieb din ir-responsabbiltà.
Min-naħa tagħha, il-Ministru tal-Intern tal-Awstrija, Johanna Mikl-Leitner, akkużat lill-Istati ġirien b’li naqsu milli jsegwu l-liġijiet tal-UE. Dan fost tħassib li l-immigranti anki qegħdin jaslu fl-Awstrija wara li jkunu qasmu mis-Slovenja lejn il-Kroazja.
Intant, il-Kroazja, fl-aħħar jiem, laqgħet talanqas 20,000 immigrant mis-Serbja iżda issa l-awtoritajiet f’Zagreb qegħdin jgħidu li ma jistgħux ilaħħqu ma’ influss ta’ barranin hekk qawwi u, għaldaqstant, qed imexxu lill-immigranti lejn l-artijiet tal-ġirien.
Il-Prim Ministru Kroat, Zoran Milanovic, qal li ma kien hemm ‘l-ebda ftehim mal-Ungerija’ rigward l-immigranti u li pajjiżu se jkompli jibgħat il-barranin lejn dan il-pajjiż. Il-Ministru Ungeriż għall-Affarijiet Barranin, Peter Szijjarto, wieġeb b’kundanna bla riservi għal Milanovic ‘talli qed juri nuqqas ta’ solidarjetà Ewropea’.
Filwaqt li l-Ungerija qed tkompli twassal lill-immigranti li qegħdin jaslu mill-Kroazja ‘il hinn minn artha, mistenni li jitlesta dalwaqt il-ħajt li l-Ungeriżi qegħdin jibnu mal-fruntiera tagħhom.
Is-Slovenja, intant, ukoll akkużat lill-Kroazja b’li kisret il-liġijiet tal-UE u tal-ftehim ta’ Schengen li jippermetti l-moviment ħieles fl-Ewropa. Mifhum li daħlu fis-Slovenja ‘l fuq minn 1,500 immigrant, b’mijiet oħra qed jinġemgħu mal-fruntieri tagħha.
//= $special ?>