Il-Partit Syriza tax-xellug immexxi mill-eks Prim Ministru Alexis Tsipras kiseb l-akbar ammont ta’ voti wara li l-poplu Grieg ivvota fil-ħames elezzjoni ġenerali għal dawn l-aħħar sitt snin.
Sadanittant, il-Partit għal Demokrazija Ġdida ta’ Vangelis Meimarakis ammetta t-telfa wara l-ewwel exit polls li wrew li s-Syriza kellu 35 fil-mija tal-vot kontra t-28 fil-mija għall-konservattivi fl-Oppożizzjoni (u wara li kienu għaddew 21 fil-mija tal-voti). Meimarakis ‘il quddiem qal li jaċċetta dan ir-riżultat u awgura li Tsipras jirnexxilu jwaqqaf il-Gvern meħtieġ għall-Greċja.
Skont l-ewwel analiżi, ir-riżultat jagħti 144 siġġu lis-Syriza fil-Parlament ta’ 300 deputat – bil-Partit għal Demokrazija Ġdida jikseb 75 siġġu.
Madankollu, ir-riżultat ifisser li l-Partit Syriza ma kisibx maġġoranza assoluta tal-voti u se jkollu bżonn is-sieħba biex jifforma Gvern ġdid ta’ koalizzjoni f’Ateni.
Din l-elezzjoni ssejħet wara li l-Partit Syriza kien tilef il-maġġoranza parlamentari f’Awwissu – bil-popolarità ta’ Tsipras tieħu daqqa kbira ‘l isfel wara li kien qabel dwar ftehim ġdid għal bailout mal-Mexxejja tal-Ewropa.
Il-Greċja għadha mgħarrqa fi kriżi finanzjarja, bis-Syriza u l-membri tal-koalizzjoni ġdida jridu jieħdu ħsieb li jimplimentaw aktar riformi ekonomiċi diffiċli.
Il-Partit Syriza, ‘il quddiem, jista’ jistieden lill-Indipendenti Griegi biex jissieħbu miegħu f’koalizzjoni u mhux eskluż li jidħol ukoll tielet partit għal gvern aktar stabbli.
Qabel l-elezzjoni, Tsipras – li vvota f’Kypseli, distrett ta’ Ateni — qal li kien poġġa pajjiżu qabel il-Partit Syriza u l-interessi politiċi tiegħu. Iżda r-rivali Meimarakis ikkundanna l-mandat fil-Gvern tas-Syriza bħala ‘esperiment li ġiegħel il-Greċja tħallas prezz qares’.
Min-naħa tiegħu, Tsipras spjega li l-Griegi għandhom jeleġġu Gvern li ‘jimxi mal-programm tar-riformi neċessarji u ‘il bogħod mill-istil tat-tmexxija antika’. Hu enfasizza li l-Greċja x’aktarx li kienet tispiċċa miz-zona ewro li kieku hu ma qabilx dwar l-aħħar bailout li hu effettiv għal tliet snin.
Fl-ewwel kummenti tiegħu wara r-rebħa, Tsipras tenna li l-poplu Grieg għandu jistenna ‘ħafna xogħol iebes u futur diffiċli’.
Kuntrarju għall-elezzjoni ta’ Jannar, il-votazzjoni talbieraħ – fejn mal-10 miljun Griegi kienu eliġibbli biex jivvutaw — kienet nieqsa mill-entużjażmu, b’dan jidher anki waqt il-kampanji elettorali tal-partiti rispettivi.
Il-kummentaturi irreferew ukoll għal tellieqa missielta għat-tielet post bejn il-Partit PASOK Soċjalista u l-estremisti tal-lemin tal-Partit taż-Żerniq Dehbi. L-analisti fissru li l-kriżi tal-immigranti li waslet fuq l-għatba tal-Greċja setgħet tixpruna l-appoġġ għall-kandidati taż-Żerniq Dehbi li qed joħroġ qatta bla ħabel kontra l-immigrazzjoni.
L-aħħar indikazzjonijiet, intant, kienu li dan il-partit estremista kellu jispiċċa t-tielet b’7 fil-mija tal-voti.
//= $special ?>