Futbol Sport

Man Utd żewġ punti taħt il-liders Man City

Manchester Utd wettqu rimonta u rebħu 3-2 barra minn darhom kontra Southampton biex issa jinsabu biss żewġ punti taħt il-liders Man City li jum qabel tilfu kontra West Ham Utd.

Southampton marru fil-vantaġġ wara 12-il minuta b’gowl tas-solitu PELLE li skurja minn rebound wara li De Gea kien salva temporanjament xutt ta’ James Ward-Prowse.

Southamtpon komplew jippressaw u erba’ minuti wara kienu sfortunati meta laqtu l-lasta bl-istess Pelle li ra x-xutt fil-baxx tiegħu jaħbat mal-wieqfa.

Kien fil-35 minuta meta Man Utd ġabu d-draw b’gowl ta’ MARTIAL li aktar ma jgħaddi żmien aktar qed ikompli jimpressjona mat-tim ġdid tiegħu. Hekk kif bdiet it-tieni taqsima, ir-Red Devils marru għall-ewwel darba fil-vantaġġ meta Maya Yoshida mar iqassam lil Maarten Stekelenburg imma MARTIAL seraq il-ballun u skurja biex għamel l-iskor 2-1. 20 minuta mit-tmiem Man Utd żiedu ieħor b’gowl ta’ MATA li skurja minn rebound wara li xutt ta’ Depay kien laqat il-lasta u erba’ minuti mit-tmiem PELLE skurja b’daqqa ta’ ras biex naqqas id-distakk imma l-iskor baqà 3-2 sat-tmiem.