Internazzjonali

Mietet l-awtriċi famuża Jackie Collins

L-awtriċi tan-novelli famuża, Jackie Collins, mietet f’Los Angeles, fl-Istati Uniti, fl-età ta’ 77 sena, wara snin tikkumbatti l-kanċer tas-sider.

L-awtriċi Ingliża, oħt l-attriċi veterana Joan Collins, kienet waħda mill-aktar personalitajiet dinamiċi fil-qasam speċifiku u n-novelli tagħha – li numru minnhom jibbażaw fuq il-ħajja lussuża ta’ karattri fittizji ta’ Hollywood – biegħu aktar minn 500 miljun kopja f’40 pajjiż.

Il-karriera ta’ Jackie Collins – imwielda Londra u li kienet ilha aktar minn sitt snin b’din il-marida terminali — damet għal 40 sena. Fl-istess ħin, it-32 novella li kitbet kollha dehru fil-lista tal-‘bestsellers’ ta’ The New York Times.

L-ewwel novella tagħha, ‘The World is Full of Married Men’ kienet ippubblikata fl-1968 u hi fost l-aktar xogħlijiet famużi ta’ Collins. Din in-novella serviet ukoll bħala t-tema għal film bl-istess isem.

Fl-1985, in-novella ta’ Collins ‘Hollywood Wives’ kienet il-bażi għal mini-series tal-ABC, bl-atturi Anthony Hopkins u Candice Bergen fil-partijiet prinċipali.