Il-Viċi Kap Nazzjonalista għall-Affarijiet tal-Partit Beppe Fenech Adami, waqt li kien qed jindirizza l-mass meeting tal-Indipendenza, qal li minbarra l-51 anniversarju mill-kisba tal-Indipendenza, il-poplu qed jiċċelebra wkoll il-135 sena mit-twaqqif tal-PN. Dan jagħmlu kburi. Qal Beppe Fenech Adami, li hu parti minn dan il-partit li dejjem kien fuq in-naħa t-tajba tal-istorja.
Meta l-PN kien qed jiġġieled għall-Indipendenza ħaddieħor ma riedx li din tinkiseb. Kien il-PN li dejjem iċċelebra din il-ġrajja storika u kien hawn żmien li f’dawn iċ-ċelebrazzjonijiet in-nazzjonalisti ssawtu u sofrew il-gass tad-dmugħ.
Beppe Fenech Adami qal li dawn iċ-ċelebrazzjonijiet qed isiru fi pjazza li turi l-monumenti tad-demokrazija li ħoloq il-PN. Fl-istorja tiegħu, il-PN ġoloq ġafna aktar monumenti bħalma huma l-isptarijiet, l-iskejjel, l-universita’, l-infrastruttura, it-turiżmu, is-servizzi finanzjarji.
Dawn huma kollha monumenti li jagħmlu lill-poplu kburi b’dak li sar fil-passat. Izda llum ukoll il-poplu għandu għaliex ikun kburi bil-PN għaliex mhu se jħalli lil ħadd iwaqqfu milli jiġġieled il-korruzzjoni.
L-Oppożizzjoni se tibqa’ ssemmi li għandna Prim Ministru li ta 4.2 miljun ewro lil tal-Cafe Premier. Se jibqa’ jsemmi li membri tal-familja Gaffarena ngħataw permessi u miljun biex saru sinjuri mil-lum għal għada. Se jibqa’ jsemmi l-ftehi u laqgħat bil-moġbi ma dittaturi bħal dak tal-Ażerbajġan.
Beppe Fenech Adami qal li mhux se jinżamm milli jsemmi l-eluf ta’ ewro li qed tingħata għalxejn il-mara tal-Ministru Konrad Mizzi. Jibqa’ jsemmi wkoll il-ftehim moħbi ma’ kuntrattur barrani għal dik li suppost hi universita. Se jibqa’ jsemmi wkoll kif il-Ministru Joe Mizzi minflok tella’ ż-żejt kif kien iwiegħed li jagħmel spiċċa biex tilef il-paċenzja.
Beppe Fenech Adami qal li se jibqa’ jitkellem dwar il-mod kif il-Gvern preżenti kisser il-Korp tal-Pulizija.
Il-Viċi Kap Nazzjonalista qal li sentejn u nofs ilu, il-poplu għamel għażla. Il-PN ukoll għamel għażla u gġaħel bġala Kap lil Simon Busuttil. Illum sentejn u nofs wara bil-viżjoni, bil-perseveranza u l-impenn tiegħu, dak li kien jidher impossibli, issa jidher possibbli.
Hu appella biex jibqa’ jkun hemm l-appoġġ tal-poplu. Appella wkoll lil dawk li fl-aħħar elezzjoni ġenerali għażlu, forsi għall-ewwel darba li jivvutaw lill-Partit Laburista, li l-PN bit-tmexxija ta’ Simon Busuttil hu l-partit ta’ kulmin hu ta’ rieda tajba, hu l-partit li għandu messaġġ ta’ politika onesta. Il-PN hu d-dar ta’ kulmin rid politika onesta u nadifa għal pajjiżna.
Beppe Fenech Adami qal li t-triq tista’ tidher twila. “ Ibqgħu mexjin magħna. Wara t-telgħa jkun hemm il-wita. Jasal iż-żmien li jerġa’ jkollna l-PN fil-Gvern u jkollna lil Simon Busuttil bħala Prim Ministru.”
Beppe Fenech Adami qal li kif sar għal 135 sena, il-PN se jerġa’ jkun jista’ jkompli joħloq il-ġid għall-familji, għan-nazzjon, għal Malta indipendenti u għall-familji Maltin u Għawdxin kollha.
//= $special ?>