Lokali

Quddiesa ta’ radd il-ħajr lil Alla għall-50 sena tad-Dar tal-Providenza

“Il-Papa berikna u fir-residenti tad-Dar tal-Providenza il-Papa bierek lill-poplu Malti u Għawdxi.” Dan qalu Monsinjur Arċisqof Charles J. Scicluna waqt quddiesa ta’ radd il-ħajr lil Alla li saret fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta fl-okkażjoni tal-50 Anniversarju tad-Dar tal-Providenza.

Quddiem għadd ta’ residenti tad-Dar li kienu fil-fillieri ta’ quddiem, l-Arċisqof kompla jgħid li kull meta tixxandar l-istorja tad-Dar tal-Providenza dejjem insemmu lil dik il-mara li tat mitt lira. Imma rridu wkoll nirringrazzjaw lil tant nies li komplew biex din ix-xmara ta’ ġenerożità ma tieqaf qatt.

Għal din iċ-ċelebrazzjoni kien hemm il-President ta’ Malta, Marie Louise Coleiro Preca, il-Prim Ministru Joseph Muscat, il-Prim Imħallef, Dr Silvio Camilleri, Presidenti Emeriti, Ministri u membri Parlamentari kif ukoll l-ex Prim Ministru Dr Lawrence Gonzi li kien l-ewwel Chairperson tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità. Kienu preżenti wkoll ħaddiema u volontiera tad-Dar.