Is-sewwieq tal-Ferrari Sebastian Vettel ikkonferma l-qawwa tiegħu fiċ-ċirkwit ta’ Singapore meta għar-raba’ darba fil-karriera tiegħu ħareġ rebbieħ f’din it-tellieqa li ssir fl-Asja. Qabel it-tellieqa tal-bieraħ Vettel kien diġa’ l-aktar sewwieq li qatt rebaħ f’Singapore u lbieraħ beda mill-pole position u ddefenda sat-tmiem biex kiseb it-tielet rebħa dan l-istaġun. Fil-passat Vettel dejjem kien rebaħ din it-tellieqa waqt is-snin ta’ dominju li kellu mar-Red Bull u s-suċċess tal-Ħadd kien l-ewwel wieħed tiegħu f’dan iċ-ċirkwit bħala sewwieq tal-Ferrari. Is-sewwieq Ġermaniż għaraf jibni fuq il-wirja pożittiva li kellu ġimgħatejn ilu f’Monza fejn dakinhar temm fit-tieni post.
Il-lider u champion renjanti Lewis Hamilton tal-Mercedes kellu jirtira u b’hekk, il-vantaġġ li kellu f’ras il-klassifika fuq l-eqreb rivali tiegħu Nico Rosberg niżel għal dak ta’ 41 punt wara li Rosberg temm fir-raba’ post. Il-ġurnata kienet ferm pożittiva għall-Ferrari fejn mhux biss rebħu grazzi għal Vettel imma anke ġabu l-punti hekk kif Kimi Raikkonen daħal it-tielet, wara Daniel Ricciardo tar-Red Bull.
Wara li beda jesperjenza diversi problemi fil-karozza, fit-34 dawra Hamilton kien kostrett jirtira għall-ewwel darba dan l-istaġun. Ironikament, sena ilu kien ir-rivali tiegħu Rosberg li rtira minn din it-tellieqa filwaqt li l-aħħar darba li s-sewwieq Ingliż kellu jirtira kien sena ilu waqt il-GP kontroversjali tal-Belġju.
Qabel it-tellieqa Hamilton kien qed jimmira li jirbaħ biex jilħaq ir-rekord tal-leġġendarju Aryton Senna ta’ 41 rebħa imma issa se jkollu jistenna tal-anqas ġimgħa oħra meta nhar il-Ħadd isir il-GP tal-Ġappun. L-avventura li kellu lbieraħ Hamilton f’Singapore kienet l-oppost ta’ dik ta’ sena ilu fejn mhux biss kien rebaħ it-tellieqa imma anke kiseb il-pole position.
Żewġ sewwieqa oħra li kellhom jirtiraw kienu dawk tal-McLaren Fernando Alonso u Jenson Button, it-tnejn li huma minħabba problemi fil-gearbox.
Għal Alonso, li kien rebaħ f’dan iċ-ċirkwit fl-2010 mal-Ferrari, din kienet daqqa ta’ ħarta oħra fi staġun xejn pożittiv tiegħu fir-ritorn mal-McLaren. Din kienet l-ewwel darba li Alonso ma kisibx punti f’dan iċ-ċirkwit filwaqt li għal Button kienet it-tieni sena konsekuttiva li rtira minn din it-tellieqa.
Minbarra Hamilton, Button u Alonso rtiraw anke Nico Hulkenberg u Felipe Massa filwaqt li ddebutta fil-Formula 1 is-sewwieq Amerikan tal-Marussia Alexander Rossi li ħa post Roberto Merhi.
Ta min jinnota li ħin minnhom, waqt it-tellieqa, kien hemm partitarju li daħal fit-track imma fortunatament għalih ma kienx hemm karozzi fil-viċin.
Kif spiċċaw
1. S. Vettel – Ferrari
2. D. Ricciardo – Red Bull
3. K. Raikkonen – Ferrari
4. N. Rosberg – Mercedes
5. V. Bottas – Williams
6. D. Kvyat – Red Bull
7. S. Perez – Force India
8. M. Verstappen – Toro Rosso
9. C. Sainz Jr. – Toro Rosso
10. F. Nasr – Sauber
Klass. Sewwieqa
1.Hamilton – 252
2.Rosberg – 211
3.Vettel – 203
4.Raikkonen – 107
5.Bottas – 101
6.Massa – 97
7.Ricciardo – 73
8.Kvyat – 66
9.Perez – 39
10.Grosjean – 38
Klass. Kostrutturi
1. Mercedes – 463
2. Ferrari – 310
3. Williams – 198
4. Red Bull – 139