Lokali Qorti

Żewġ aħwa akkużati li ħebbew għal raġel u ferewh gravi

Żewġ aħwa dalgħodu tressqu l-Qorti b’urġenza wara li allegatament ilbieraħ ħatfu u sawtu raġel ieħor, b’konsegwenza li kkaġunawlu feriti gravi.

L-aħwa, Clayton Azzopardi ta’ 27 sena minn San Pawl il-Baħar u Dylan Azzopardi ta’ 22 sena minn Wied il-Għajn kienu akkużati li qabdu lil Luke Vella kontra l-volonta tiegħu u ħebbew għalih, b’konsegwenza li kkaġunawlu ġrieħi gravi.

Clayton Azzopardi kien akkużat ukoll li kiser il-kundizzjonijiet ta’ sentenza tal-Qorti.

Iż-żewġ persuni wieġbu mhux ħatja u ma ngħatawx il-liberta’ proviżorja.

L-aħwa, allegatament ħarġu lir-raġel mill-karozza tiegħu f’Ħaż-Żabbar, żammewh, sawtuh u daħluh fil-karozza li kienu biha.
Huma saqu l-karozza għal distanza qasira, reġgħu sawtuh u wara wadbuh mill-karozza tagħhom ‘l barra. Luke Vella sofra diversi ġrieħi f’rasu u f’partijiet ohra ta’ ġismu.

L-argument jidher li beda dwar somma flus li membru tal-familja ta’ Luke Vella għandu jagħti liż-żewġ aħwa.

L-aħwa ċaħdu l-akkużi kontrihom u sostnew li kien Vella li beda l-argument.