Lokali

Żvelata l-pittura uffiċjali tal-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi

L-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi u s-Sinjura Kate Gonzi illum żaru l-istudio ReCOOP tal-artista Philippa Bianchi fl-Imrieħel fejn hemmhekk seta’ jara għall-ewwel darba il-pittura uffiċjali tiegħu li se ssib postha fis-sala tal-Kabinett fil-Berġa ta’ Kastilja flimkien mal-pitturi l-oħra tal-Prim Ministri kollha ta’ Malta sa mill-1921.

L-isfond tal-pittura hu fis-sala ewlenija ta’ Villa Francia f’Ħal Lija. Lawrence Gonzi serva bħala Prim Ministru ta’ Malta bejn l-2004 u l-2013. Qabel dan hu serva bħala Viċi Prim Ministru bejn l-1999 u l-2004 u bħala Speaker tal-Kamra tad-Deputati bejn l-1988 u l-1996. Kemm hu kif ukoll is-Sinjura Kate Gonzi għadhom attivi fil-qasam tal-volontarjat, b’mod partikolari fil-qasam tas-saħħa mentali u tad-diżabilita’.

L-artista Philippa Bianchi, li l-artist rinomat Giuseppe Cali jiġi l-bużnannu tagħha, għandha portafoll ta’ pitturi ta’ diversi persuni distinti. Fost dawn hemm il-Papa Benedittu XVI, l-Arċisqof Emeritu Monsinjur Pawlu Cremona, u ċ-Chairman tal-Grupp Corinthia Alfred Pisani.