Lokali

450 Sena mill‐Assedju tal‐1565

Ir‐rebħa tal‐Kavallieri u l‐poplu qalbieni ta’ Malta fuq it‐Torok fl‐assedju tal‐ 1565 hija ġrajja li tibqa’ tissemma’ fl‐istorja ta’ pajjiżna u f’dik ta’ l‐Ordni tal‐Kavallieri ta’ San Ġwann.

F’għeluq l‐450 sena min dan l‐assedju, b’tifikra tal‐qalbiena li ħallew ħajjithom u b’radd ta’ ħajr lil Alla u lill‐Madonna talli ħelsuna min dan is‐saram, il‐Gran Prijorat ta’ Malta tal‐Ordni Ospedaliera ta’ San Ġwann ħejjiet programm ta’ mużika sagra mis‐St Paul Chamber Ensemble flimkien ma’ qari ta’ siltiet mill‐poeżija epika ta’ Charles Mifsud, Ġrajjiet l‐Assedju 1565.

Il-programm ittella’ fil‐knisja ta’ Santu Wistin, fil‐Belt fejn l‐orkestra, taħt id-direzzjoni ta’ Chev Mro Mark Agius ippreżentat xogħlijiet ta’ Bach, Schubert, Mozart and Franck fost l‐oħrajn, bis‐sehem tas‐soprani Michaela Agius, Karen Gatt Darmenia and Anita Vella Bondin, il‐mezzo sopran Christine Dalli, it‐tenur Arthur Micallef, il‐baritonu Louis Andrew Cassar u l‐baxx James Vella Bondin.

Fi tmiem il‐programm ingħatat donazzjoni lill‐kappillan tal‐parroċċa, Fr Deo Debono.

Nhar it‐Tnejn, 7 ta’ Settembru fejn l‐Ordni kienet ukoll mistiedna tieħu sehem fiċ‐ċelebrazzjonijiet li jiġu organizzati ġewwa x‐Xagħra, Għawdex, mill‐Kappillan tax‐Xagħra u l‐Kunsill Lokali. Membri tal‐Kunsill tal‐Gran Prijorat ta’ Malta flimkien ma’ membri oħra tal‐Ordni attendew il‐Funzjoni Solenni mmexxija mil‐Isqof Mons George Bugeja u wara għad‐diversi rapprezentazzjonijiet storiċi li laħqu l‐qofol tagħhom bit‐tqegħid ta’ kuruni tal‐fjuri taħt l‐istatwa tal‐Madonna fil‐pjazza tax‐Xagħra.