Lokali

Appell biex il-politiċi ma jaqgħux għat-tentazzjoni tal-avvanzi personali

Il-politiċi għandhom jirrinunzjaw it-tentazzjoni tal-avvanz personali li jġib miegħu il-poter. Kliem l-Arċisqof ta’ Malta Monsinjur Charles Scicluna fl-omelija tiegħu waqt il-pontifikal tal-Indipendenza fil-Konkatidral ta’ San Ġwann.

Għall-pontifikal tal-Indipendenza attendew l-għola personalitajiet tal-pajjiż fosthom l-Aġent President Dolores Cristina, il-Prim Ministru Joseph Muscat, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, membri tal-Kabinett tal-Ministri, Deputati, il-Maġistratura u Presidenti Emeritus tar-Repubblika.

Intant waqt il-pontifikal, l-Arċisqof Scicluna tkellem dwar ir-rwol tal-politiċi u l-kontribut li dawn jagħtu permezz tas-servizzi tagħhom. Hu qal li l-politiċi huma l-qaddejja tan-nies u appella biex ma jaqgħux għat-tentazzjoni tal-avvanzi personali li jġib miegħu l-poter.

L-Arċisqof tkellem ukoll dwar l-importanza li jinbidel il-lingwaġġ u tingħata iktar importanza għall-qalb ta’ kull persuna, partikolarment dawk li huma vulnerabbli.

F’kull stadju tal-ħajja hemm persuni li huma fil-bżonn, sostna l-Arċisqof, li saħaq fuq l-importanza tal-inklussività fis-soċjetà.

Fi tmiem il-pontifikal, mal-monument tal-Indipendenza fil-Floriana saret ic-cerminonja ta’ tqegħid ta’ fjuri mill-Aġent President Dolores Cristina, il-Prim Ministru Jospeh Muscat u l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil.