Bħala parti mill-Festi tal-Indipendenza 2015, il-Moviment Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista organizza konferenza bit-tema Drittijiet bla biżà bil-parteċipazzjoni ta’ Gejtu Vella, ix-Xadow Minister tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Therese Comodini Cachia u l-kandidata Roslyn Borg Knight.
Waqt din il-konferenza kienu diskussi diversi temi attwali li qed jolqtu lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin fil-mument, bl-iktar suġġett diskuss ikun il-biżà fost il-ħaddiema sabiex jesprimu l-opinjoni tagħhom u jitkellmu kontra l-inġustizzji u d-diskriminazzjoni – tema li reġa’ nħass il-bżonn li tkun diskussa fis-sena 2015 wara ħafna snin li konna mingħalina li qatt me terġa’ tqum f’pajjiżna. Temi oħra diskussi kienu l-prekarjat u x’verament qed isir biex dan jiġi megħlub, u x’tip ta’ impjiegi qed jinħolqu f’pajjiżna, ħafna drabi b’kundizzjonijiet u pagi baxxi li jattiraw barranin li jkunu lesti jaċċettaw kundizzjonijiet inferjuri ta’ xogħol.
Il-ħaddiema li attendew kellhom l-opportunità sabiex jiddiskutu u jqajjmu punti validi dwar esperjenzi li għaddejin minnhom u li huma komuni fost mijiet ta’ ħaddiema f’pajjiżna.
Kien diskuss ukoll ir-rwol tal-unions vis-à-vis id-drittijiet tal-ħaddiema u l-fatt li l-unions iridu jkunu leali lejn il-membri taggħom u mhux lejn il-gvern tal-ġurnata. Dan ikun qed jikkontradixxi l-prinċipju ta’ indipendenza tal-istess union iktar u iktar meta din tingħaqad f’konfoffa mal-Gvern sabiex tiġġieled u tkisser ħaddiema li politikament ma jaqblux mal-Gvern tal-ġurnata.
Il-konferenza kienet indirizzata wkoll mis-Segretarju Ġenarali tal-PN Rosette Thake, mill-President tas-SĦPN Ivan Castillo u mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil li saħaq fuq l-importanza li l-ekonomija qegħdha hemm għas-servizz tal-ħaddiema sabiex dawn itejbu l-livell tal-għijxien tagħhom. Il-Kap tal-Partit saħaq li l-ġid li jinħoloq irid jinqasam fost il-ħaddiema u mhux fost il-ftit tal-qalba kif sfortunatament qed jiġri fil-preżent. Kuntrarju għal dak li qal dan il-Gvern qabel l-elezzjoni li għaddiet, il-prekarjat mux talli iġġilidlu, iżda żammu għaddej b’iktar ħaddiema Maltin u barranin jinqabdu f’din ix-xibka. Hu enfażizza fuq il-fatt li l-unions iridu verament ikunu tarka tal-ħaddiema u mhux forċina tal-Gvern.
Il-Partit Nazzjonalista irid ifassal politika li tagħmel ġieħ lill-ħaddiema. Il-Partit Nazzjonalista lest li joħroġ għonqu favur dawk il-ħaddiema li qed jiġu diskriminati u għalhekk jeħtieġ li llum inqumu fuq saqajna u niġġieldu l-inġustizzji u favur id-drittijiet tagħna, temm jgħid il-Kap tal-Partit.
//= $special ?>