Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija qal li qed jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu li lbieraħ ġie inawgurat iċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo. Dan iċ-ċentru, flimkien mal-Pjan Nazżjonali tal-Kanċer (2011-2015) kien il-qofol tal-ħidma fis-settur tas-saħħa tal-Partit Nazzjonalista fil-Gvern.
L-istqarrija tgħid li l-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista għall-kura tal-kanċer kienet tinkludi wkoll l-introduzzjoni tal-iscreeening tal-kanċer tas-sider u twittiet it-triq biex isir l-iscreening tal-kanċer tal-musrana. Bejn l-2010 u l-2013, il-Gvern kien introduċa 11-il mediċina ġdida fosthom il-Herceptin (għall-kanċer tas-sider), it-Temozolomide (għall-kanċer tal-moħħ), Erlotinib u Pemetrexed (għall-kanċer tal-pulmun), Lenalidomide u Bortezomib (għall-kanċer tad-demm), Docetaxel (għall-kanċer tal-prostata) u ħafna mediċini oħra.
Il-Partit Nazzjonalista qal li, pero, ma jistax ma jinnutax li t-trasferiment mill-Isptar Boffa għaċ-Ċentru l-ġdid tal-Onkoloġija dam 9 xhur meta l-istess proċess mill-Isptar San Luqa għall-Isptar Mater Dei dam ġimgħatejn. Dan ġara għaliex nies li kellhom l-esperjenza tal-proċess preċedenti tneħħew minn xogħolhom.
Hija wkoll ħasra li għaċ-ċerimonja tal-bieraħ ħafna membri tal-istaff ma kienux mistiedna. Il-Partit Nazzjonalista temm jgħid li l-anqas il-ħaddiema taċ-ċivil, tal-FMS u l-volontiera tal-Volserv ma kienu mistiedna. Dawn il-ħaddiema u volontiera kienu fundamentali biex saret il-migrazzjoni u b’hekk seta jinfetaħ iċ-Ċentru.
//= $special ?>