Is-Slovenja tipprova timblokka d-dħul tal-immigranti
Wara l-Ungerija, is-Slovenja wkoll bdiet tibni speċi ta’ ħajt magħmul mir-razor wire tul il-fruntiera mal-Kroazja fiz-zona ta’ Bregana.
Dan bl-iskop li twaqqaf l-immigranti milli jkomplu jaqsmu l-fruntiera bejn iż-żewġ pajjiżi illegalment.
Dan hekk kif ma hemm ebda ħjiel li l-mewġa ta’ immigranti mis-Sirja u pajjiżi oħra li qed jippruvaw jidħlu fl-Unjoni Ewropea se tieqaf. Minħabba f’hekk din il-ġimgħa se jkun hemm sensiela ta’ laqgħat importanti tal-Unjoni Ewropea biex jippruvaw isibu tarf is-sitwazzjoni.
It-Tnejn bdiet laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Ungerija, is-Slovakkja, ir-Repubblika Ċeka u l-Polonja li qed iżommu pożizzjoni iebsa fil-konfront ta’ proposti li l-immigranti jitqassmu bejn il-pajjiżi membri b’sistema ta’ kwota.
It-Tlieta mbagħad se ssir laqgħa tal-Ministri tal-Intern tal-Unjoni Ewropea qabel l-Erbgħa, meta se jsir summit ta’ emerġenza tal-mexxejja tal-UE.
Fil-Kroazja naqas drastikament id-dħul ta’ immigranti. Dan wara li l-awtoritajiet Kroati bdew jibagħtuhom lejn l-Ungerija kif ukoll ħafna qed jaqsmu lejn is-Slovenja. Għalkemm l-UNHCR qalet li l-immigranti kienu qed jaqsmu l-konfini Kroati bir-rata ta’ 100 kull siegħa. Il-ġimgħa li għaddiet 30,000 immigrant daħlu fil-Kroazja li minnhom sitta biss talbu li jingħataw kenn f’dan il-pajjiż membru tal-UE.
Is-Slovenja tipprova timblokka d-dħul tal-immigranti
