Għawdex Lokali

Aġġornata: Iż-żewġ għawwiema fil-bajja tal-Qbajjar fl-ebda ħin ma kienu f’diffikultà

Kienet għalxejn it-tfittxija ta’ madwar sagħtejn li saret aktar kmieni llum fil-bajja tal-Qbajjar, fil-limiti ta’ Marsalforn Għawdex. Dan hekk kif iż-żewġ persuni involuti qatt ma kienu fil-periklu u allura qatt ma talbu għajnuna.

Fil-fatt, sorsi qrib il-Korp tal-Pulizija li tkellmu ma’ MaltaRightNow.com spjegaw li l-Pulizija kienet infurmata b’dak li qed jiġri minn xi persuni li kienu fiż-żona u li nnutaw liż-żewġ persuni jgħumu fil-baħar imqalleb. Huma assumew li dawn setgħu sabu ruħhom f’diffikultà u għalhekk ċemplu lill-Pulizija.

Fil-post waslu membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u voluntiera mill-Emergency Response and Rescue Corps (ERRC), kif ukoll membri mill-Forzi Armati ta’ Malta b’ħelikopter u numru ta’ għaddasa. Madankollu, kif sar kuntatt maż-żewġ persuni, ġie nnutat li fortunatament dawn qatt ma kienu f’xi diffikultà, tant li lanqas ma kellhom bżonn l-ebda għajnuna medika.

Aktar kmieni …
Bħalissa għaddejja tfittxija fil-baħar tal-Qbajjar, fil-limiti ta’ Marsalforn, għal żewġ persuni li kienu qed jgħumu u sabu ruħhom f’xi diffikultajiet. Il-każ seħħ tard dalgħodu meta ż-żewġ persuni niżlu jgħumu minkejja r-riħ li fl-aħħar jiem ħakem iż-żona.

Għaldaqstant, issejħu fil-post membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u voluntiera mill-Emergency Response and Rescue Corps (ERRC). Fil-post waslu wkoll membri mill-Forzi Armati ta’ Malta, li qed jgħinu fil-ħidma ta’ salvataġġ permezz ta’ ħelikopter. Għajnuna oħra qed tingħata wkoll minn numru ta’ għaddasa. Il-Pulizija qed issegwi t-tfittxija.