Internazzjonali

Amerikana tinżamm fuq spjunaġġ fiċ-Ċina

Mara Amerikana ilha tinżamm għal dawn l-aħħar sitt xhur mill-awtoritajiet taċ-Ċina, li, skont l-aħħar rapporti, qed jakkużawha b’serq tas-sigrieti tal-istat.

Ir-raġel tal-akkużata, li jisimha Sandy Phan-Gillis, qal li hu ddeċieda li jitkellem pubblikament dwar iċ-ċirkostanzi ta’ martu qabel iż-żjara tal-President Ċiniż Xi Jinping fl-Istati Uniti. Kelliema għall-Ministeru għall-Affarijiet Barranin Ċiniż ikkonfermaw li bħalissa għaddejja investigazzjoni.

Intant, il-familja ta’ Sandy Phan-Gillis qed tiċħad l-allegazzjonijiet, u l-Gvern tal-Istati Uniti ma kkummentax dwar il-każ.

Min-naħa tagħha, il-gazzetta ‘The New York Times’ irrappurtat li Sandy Phan-Gillis qed tinżamm taħt arrest formali u dan skont ma kienu kkwotati żewġha Jeff u l-avukat tagħha.

Qed jingħad li Phan-Gillis, imwielda l-Vjetnam u li ħadet iċ-ċittadinanza Amerikana, kienet arrestata f’Marzu waqt żjara kummerċjali fiċ-Ċina intiża biex tippromwovi l-belt ta’ Houston, fl-istat Amerikan ta’ Texas.