Il-Grupp Universitarji Għawdxin (GUG) qed isostni l-pożizzjoni tiegħu favur il-bini ta’ hostel għall-istudenti Għawdxin li jistudjaw f’Malta biex tiġi ffaċċjata l-problema tal-akkomodazzjoni. Min-naħa l-oħra, esprima d-diżappunt li l-Ministru għal Għawdex Anton Refalo mhuwiex tal-istess opinjoni.
Fi stqarrija, il-GUG kkritika l-pożizzjoni tal-Ministru Refalo, li waqt laqgħa li nżammet f’Għawdex stess ftit tal-jiem ilu, qal li ma jaqbilx mal-proposta ta’ hostel. Matul il-laqgħa pubblika ta’ qabel il-Baġit, il-Ministru għal Għawdex qal li ma jaqbilx ma’ din il-proposta għax din ma taqdix lill-istudenti kollha f’salt.
Dwar dan, il-GUG sostna li l-proposta tal-hostel iddur mal-idea li l-istudenti jingħataw l-għajnuna skont id-dħul tagħhom. Barra minhekk, il-fatt li l-hostel jipprovdi akkomodazzjoni għal numru sostanzjali ta’ studenti Għawdxin, inaqqas sostanzjalment il-problema.
Min-naħa l-oħra, waqt il-laqgħa, il-Ministru Anton Refalo ssuġġerixxa li jingħata sussidju lill-istudenti li jkunu jridu jikru. Madankollu, filwaqt li mhuwiex kontra l-kunċett ta’ sussidju, għall-GUG din il-proposta tal-Ministru għal Għawdex hi biss waħda temporanja u li tipposponi l-problema tal-prezzijiet dejjem jogħlew tal-kiri.
Filwaqt li sostna li l-proposta tal-hostel hi l-aktar waħda vijabbli f’dan l-istadju, il-GUG appella lill-awtoritajiet biex jieħdu din il-proposta bis-serjetà bit-tama li tiġi miġġielda din il-problema li qed iħabbtu wiċċhom magħha l-istudenti Għawdxin li jistudjaw f’Malta.
//= $special ?>