Lokali

Bid-dewmien mill-bord tal-MATSEC, studenti b’inqas minn ġimgħa ċans għal sena skolastika ġdida – l-SDM

Università ta' Malta

L-għaqda Studenti Demokristjani Maltin (SDM) uriet id-diżappunt tagħha u saħqet li ma tistax temmen li l-bord tal-MATSEC reġa’ ppospona d-data sa meta se jippubblika r-riżultati tal-istudenti li għamlu l-eżamijiet f’Settembru.

Sostniet li l-bord tal-MATSEC issa qed jgħid li se jippubblika r-riżultati “sal-aħħar ta’ Settembru” u li saret taf dan minn account tal-media soċjali. Qalet li dan ifisser li studenti li qed jistennew ir-riżultati, se jkollhom inqas minn ġimgħa biex ikunu jafu jekk humhiex se jkomplu jistudjaw fl-istituzzjoni li jixtiequ, u li dan qed joħloq stress żejjed fuq l-istudenti li, f’dan iż-żmien, suppost qed iħejju ruħhom għal sena skolastika ġdida.

SDM insistiet li din is-sitwazzjoni m’għandhiex tibqa’ ssir waqt li saħqet li r-riżultati tal-eżamijiet għandhom jiġu ppubblikati sa dati stabbiliti minn qabel u b’hekk l-istudenti ma jinżammux fid-dlam dwar il-futur tagħhom stess.

L-għaqda tal-istudenti qalet li se toħloq pressjoni fuq il-partijiet konċernati kollha dwar dan is-suġġett u li se tikkuntattja lill-bord tal-MATSEC għal kjarifika. Insistiet li l-istudenti fil-pajjiż għandhom jiġu nkoraġġuti biex ikomplu bl-istudji tagħhom minflok isibu ma’ wiċċhom diffikultajiet u ostakli.